Il-grupp Human Rights Watch qed jakkuża lill-qawwiet tas-sigurtà tal-Awtorità Palestinjana, li huma bbażati fix-Xatt tal-Punent, kif ukoll lir-rivali Palestinjani tal-grupp militanti Hamas, f’Gaza, b’li qed jarrestaw u jittorturaw lill-kritiċi u l-avversarji rispettivi bħala ‘rutina’. Dan bil-għan li joħonqu kull tip ta’ oppożizzjoni.
Intant, uffiċjali tal-Awtorità Palestinjana u l-Hamas qed jiċħdu għall-allegazzjonijiet mingħand dan l-osservatur tad-drittijiet umani li għandu l-bażi tiegħu fi New York.
Fl-istess ħin, kelliema għaż-żewġ entitajiet Palestinjani sostnew li ‘kienu lesti biex jinvestigaw rapporti fejn in-nies kienu trattati ħażin b’dan il-mod’.
Ir-rapport tal-Human Rights Watch qed jgħid li kienu dokumentati ’il fuq minn 20 każ ta’ Palestinjani li spiċċaw arrestati mill-Awtorità Palestinjana jew mill-Hamas ‘għal ebda raġuni ħlief għal xi kumment partikulari fuq Facebook jew għaliex huma affiljati ma’ xi grupp ta’ studenti jew moviment politiku meqjusa bħala ostili għalihom’.
Ir-rapport ikompli l-qawwiet Palestinjani fix-Xatt tal-Punent (taħt okkupazzjoni Iżraeljana) u Gaza ta’ spiss iġiegħlu lill-priġunieri jibqgħu f’pożizzjonijiet fissi fost il-massimu tal-istress u t-tbatija, u għal ħinijiet fit-tul.
Skont ir-rapport, l-użu ġenerali tat-tortura b’tattiċi simili, tul is-snin, mingħajr l-ebda intervent min-naħa ta’ uffiċjali ewlenin (taż-żewġ awtoritajiet Palestinjani) biex iwaqqfu l-abbuż, ifisser li dawn il-prattiċi saru sistematiċi.
‘Fl-istess ħin, dan jindika li t-tortura saret politika tal-Gvern kemm għall-Awtorità Palestinjana kif ukoll għall-Hamas li qed jużaw magni ta’ ripressjoni biex ikissru forom ta’ oppożizzjoni’, kompla r-rapport.
//= $special ?>

