Internazzjonali

Miet ieħor mill-ko-fundaturi ta’ Benetton

Gilberto Benetton, wieħed mill-ko-fundaturi tal-ditta tal-ħwejjeġ rinomata Benetton, miet fl-eta’ 77 sena wara marda qasira. Hu, flimkien ma’ ħutu, Luciano u Carlo, u oħtu Giuliana, kienu waqqfu l-United Colors of Benetton fl-Italja fis-snin sittin b’din il-familja, maż-żmien, issir fost l-aktar influwenti fl-Italja, b’interessi f’diversi oqsma, inklużi l-kostruzzjoni, il-catering u t-trasport.

Kien Gilberto Benetton li mexxa d-diversifikazzjoni tal-kumpannija Benetton għal oqsma ġodda fejn żviluppat fi ġgant industrijali b’valur ta’ multi-miljuni ta’ ewro.

Hu kien ukoll l-eks-kap tal-kumpannija (holding company) Edizione tal-famila li tikkontrolla l-grupp Atlantia, li hu fost l-akbar gruppi tal-infrastruttura fl-Italja.

Il-familja Benetton tikkontrolla wkoll il-kumpannija tar-ristoranti Autogrill li huma dehra komuni maġenb it-toroq ewlenin tal-Italja, flimkien mal-ajruporti ta’ Ruma.

Intant, kienu l-ħwejjeġ Benetton li poġġew din il-familja ‘fuq il-mappa’ u li kienu kunsidrati bħala ‘l-aktar items tal-moda prestiġjużi’ fis-snin tmenin u disgħinijiet. Dan fost reklamar ‘uniku’ għall-ħwejjeġ li kien ukoll kontroversjali ħafna għaż-żmenijiet.

Il-mewt ta’ Gilberto kellu jseħħ tliet xhur biss wara l-mewt ta’ ħuh Carlo, fl-età ta’ 74 sena. f’Lulju li għadda.