Il-memorja tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia se tkompli tibqa’ mfakkra fil-kurituri tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, hekk kif ġiet inawgurata pittura ta’ wiċċ Daphne Caruana Galizia mal-bieb tas-sala tal-konferenzi tal-aħbarijiet – l-istess sala li hi msemmija għall-ġurnalista Maltija li nqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017.
Iċ-ċerimonja tmexxiet mill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani li qal li l-memorja ta’ Daphne m’għandiex titnessa. Tajani qal li l-Parlament Ewropew se jibqa’ jinsisti li min kien il-mandant wara dan il-qtil, jinqabad u jitressaq quddiem il-ġustizzja. “Dan se nibqgħu nagħmluh mhux biss għall-poplu Malti u Għawdxi, iżda fl-interess tal-500 miljun ċittadin Ewropew,” qal Tajani.
Il-pittura saret mill-artista Marie Louise Kold – artista Daniża, li iżda hi miżżewġa lill-artist Ġorġ Mallia, u li għalhekk għandha rabta sew ma’ pajjiżna. Fil-fatt, f’diskors qasir li għamlet, l-artista Kold qalet li tista’ qatt tifhem kif ġurnalista li tkun qed tagħmel xogħlha tinqatel b’dan il-mod. Il-pittura magħmula minn metall u ram partikolari. Interessanti li l-linka użata f’din l-arti nġiebet minn waħda mill-istamperiji li kienu jippubblikaw xogħol ta’ Caruana Galizia.
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, nkluż żewġha Peter, it-tifel Matthew, il-ġenituri tagħha kif ukoll ħutha. Attendew ukoll l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech, kif ukoll Membri tal-Parlament Ewropew barranin li ġejjin minn gruppi politiċi differenti.
//= $special ?>