Lokali

Raġel iweġġa’ ħafif wara li waqa’ minn għoli f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Qrendi

Ħadet fit-tul aktar mis-soltu operazzjoni ta’ salvataġġ f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Qrendi wara li ħaddiem waqa’ minn għoli.

Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ 11.40am fis-sit fi Triq il-15 ta’ Awwissu, fejn ir-raġel, ta’ 33 sena mill-Gżira, kien qed jagħmel xi xogħol tal-kostruzzjoni u għal xi raġuni waqa’ mill-għoli. Jirriżulta li r-raġel waqa’ f’post mhux daqstant aċċessibbli u dan għamilha aktar diffiċli biex ir-raġel seta’ jittella’.

Fil-fatt, minbarra l-Pulizija u tim mediku b’Ambulanza, fil-post issejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li għenu biex ir-raġel seta’ jittella’. U minbarra n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà, it-temp kompla jagħmel l-operazzjoni aktar diffiċli.

Madankollu, fortunatament, ir-raġel ġie salvat fil-ħin u ttella’ minfejn spiċċa mal-waqgħa. Minn hemm, hu ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti ħfief.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.