Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Addottati r-rakkomandazzjonijiet ta’ Zammit Dimech dwar kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar

Tliet rapporti li se jagħmlu differenza għall-ħaddiema Maltin addottati fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali

“Il-miżuri addottati biex jassiguraw ambjent tax-xogħol mingħajr sustanzi li jikkawżaw il-kanċer, li jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema li jaħdmu fi stati membri oħra, flimkien ma’ inizjattivi li jassiguraw trasparenza fil-kuntratti, huma pass ‘il quddiem biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, u jassiguraw ambjent ta’ suq kompetittiv għan-negozji.” L-MEP Francis Zammit Dimech qal dan wara li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali adotta tliet rapporti dwar diversi aspetti tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u li għalihom kien ir-rapporter tal-Grupp tal-PPE.

Kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti

L-ewwel rapport hu dwar diversi aspetti ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol, li jinkludu l-perjodu tan-notice, t-taħriġ u l-perjodu ta’ probation. Zammit Dimech qal li hu importanti li l-kuntratti tax-xogħol ikunu kemm jista’ jkun trasparenti, u li tkun miġġielda d-diskriminazzjoni. Hu qal li l-liġi l-ġdida tassigura ċarezza f’każijiet fejn ikun hemm aktar minn persuna waħda responsabbli għall-ħaddiem. Aspett ieħor importanti hu t-tisħiħ tat-taħriġ u l-edukazzjoni b’rabta max-xogħol, li għandu jitħallas minn min iħaddem. “Ma jistax ikollna sitwazzjonijiet kif rajna riċentement f’Malta, fejn LSA kienu sfurzati jħallsu għat-taħriġ.” Hu insista li l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħaddiema biex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom għandu jingħata mingħajr ħlas.

Protezzjoni lill-ħaddiema minn karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol

Fit-tieni rapport, ġew addottati limiti ġodda ta’ espożizzjoni għal 5 sustanzi li jikkawżaw il-kanċer. Zammit Dimech spjega li dawn il-kimiċi mhux biss iwasslu għal kanċer, iżda anke għal problemi oħra ta’ saħħa, inkluż mard respiratorju u disturbi newroloġiċi. Dawn il-kimiċi jintużaw f’diversi postijiet tax-xogħol f’Malta, nkluż f’laboratorji, kostruzzjoni, saħħa medika, plastik, kif ukoll fil-ġestjoni tal-iskart u l-ħġieġ. Għalhekk, dan il-pass se jnaqqas ir-riskji għal eluf ta’ ħaddiema. Zammit Dimech, li hu membru tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ MEPs kontra l-Kanċer, qal li dan ix-xogħol hu parti mill-impenn tiegħu biex jiġġieled il-kanċer, u li hu wieħed mill-prijoritajiet tiegħu fil-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew. Hu fakkar kif fl-aħħar ġimgħat, hu stieden diversi NGOs Maltin li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer biex jipparteċipaw f’dibattiti, u issa qed jinsisti li dawn l-NGOs ikunu rappreżentati fl-Assoċjazzjoni ta’ Għaqdiet Ewropej Kontra l-Kanċer.

Awtorità Ewropea tax-Xogħol ġdida

Fit-tielet rapport, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ta l-kunsens tiegħu għat-twaqqif ta’ awtorità ġdida li tassigura li d-drittijiet tal-UE biex wieħed jivvjaġġa biex jaħdem, ikunu rispettati. Zammit Dimech ressaq ‘il quddiem diversi proposti, inkluż il-bżonn ta’ Awtorità li tippromwovi opportunitajiet għal individwi u impjegati biex ikunu mobbli jew jipprovdu servizzi jew jiġu impjegati kullimkien fl-Unjoni, b’mod partikolari billi wieħed jassigura l-aċċess għall-persuni b’diżabilità jew bżonnijiet speċjali. Hu insista wkoll għal aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar infurzar bejn il-fruntieri. Ġiet addottata wkoll il-proposta ta’ Zammit Dimech biex jitwaqqaf sit Ewropew, li jservi bħala one-stop-shop, li jkun jinkludi l-informazzjoni relevanti kollha għall-impjegati kif ukoll s-servizzi li tipprovdi l-Awtorità lil individwi li jkunu kemm impjegati kif ukoll qed ifittxu x-xogħol. Zammit Dimech fakkar li d-dritt li l-ħaddiema jkunu jistgħu jiċċaqilqu minn pajjiż għall-ieħor hu wieħed mid-drittijiet li l-poplu Malti akkwista permezz tal-isħubija fl-UE. “Dan id-dritt m’għandiex jittieħed for granted, u t-twaqqif ta’ din l-awtorità jassigura li d-drittijiet u l-obbligi jkunu sodisfatti,” qal l-MEP.

Zammit Dimech irringrazzja lill-Unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema, lill-Malta Business Bureau u l-istakeholders kollha li provdew rispons u għenuh jassigura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun tirrifletti l-veduti tal-ħaddiema u n-negozji Maltin. Hu wiegħed li se jkompli jaħdem biex ikun il-vuċi tagħhom fil-Parlament Ewropew.