Ekonomija Lokali

Adrian Delia jappella biex il-ġid jitqassam b’mod ġust

Diskors li ntlaqa' b'mod tajjeb ħafna minn dawk preżenti

Pajjiżna qed jaħsad il-frott tal-ħidma minn Gvernijiet differenti biex Malta jiftaħ orizzonti ġodda u jisfrutta teknoloġiji ġodda. Minkejja dan, it-tqassim tal-ġid maħluq irid jasal għand il-poplu, xi ħaġa li mhix tiġri fil-preżent.

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt li tkellem f’konferenza organizzata minn EY, fejn ġie ppreżentat l-Attractiveness Survey formulat minn mistoqsijiet lill-investituri fl-aħħar sena.

“Pajjiżna għandu bżonn tkabbir sostenibbli,” iddikjara Adrian Delia, li nnota kif pajjiżna bħalissa qed jibni fuq politika ekonomika bbażata fuq tkabbir tal-popolazzjoni, u mhux ta’ setturi ġodda, bil-konsegwenza li ċertu setturi qed jaqgħu lura.

Innota kif pajjiżna fil-preżent qed jara tkabbir sostanzjali tal-popolazzjoni, bil-konsegwenza li dan qed iħalli wkoll effett fuq il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan hu rifless fil-problemi ta’ traffiku, kirjiet għolja u diffikultajiet biex il-Maltin jixtru l-proprjetajiet tagħhom, waqt li pajjiżna diġa hu l-iktar wieħed dens fil-popolazzjoni tiegħu fl-Ewropa.

Adrian Delia wissa’ li pajjiżna ma jistax jibqa’ jkabbar il-popolazzjoni tiegħu għal dejjem, għaliex qed jitlef is-sostennibbiltà tiegħu. hawn hu staqsa x’se jiġri u xi pjan għandu pajjiżna ladarba jilħaq il-limitu ta’ popolazzjoni tiegħu.

Waqt li rrefera għal sfruttament tal-ħaddiema barranin, li jitħallsu pagi baxxi, innota kif pajjiżna qed jiffoka żżejjed fuq-settur pubbliku, flok dak privat, bil-konsegwenza li fi mien qasir rajna żieda minn 41,500 ħaddiem għal 46,900 ħaddiem li jaħdmu mal-Gvern.

Adrian Delia appella għal investiment nazzjonali biex pajjiżna jisfrutta l-potenzjal tiegħu, inkluż investiment tal-Gvern li mhux ibbażat esklussivament fuq fondi tal-Unjoni Ewropea. Dan minflok infieq politiku li taħt dan il-Gvern sar wieħed konsiderevoli.

Appella wkoll għal investiment qawwi fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema, proġetti fuq enerġija rinnovabbli u fuq kollox impenn biex intejbu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Qal li dan irid isir ukoll billi l-Gvern jiġġieled il-korruzzjoni, liema problema għolliet rasha wara li fl-aħħar snin pajjiżna kien mifni minn skandlu wara l-ieħor, waqt li l-Gvern jilgħabha li mhu qed jiġri xejn.

Fl-istess waqt hu esprima appoġġ sħiħ lill-Gvern Malti kontra l-attakki minn pajjiżi kbar li huma favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa, xi ħaġa li qal li l-Unjoni Ewropea m’għandiex tapplika. Qal li dan jagħmlu b’ottimiżmu  li Malta hi l-futur.