Sport Sport Ieħor

Comanche Raider III l-ewwel ekwipaġġ Malti li jtemm ir-Rolex Middle Sea Race ta’ din is-sena

(Ritratt: Ray Agius Condachi)

Comanche Raider III ta’ Ramon Sant Hill u Jonas Diamantino sar l-ewwel jott Malti li spiċċa t-tellieqa tar-Rolex Middle Sea Race f’ħin ta’ tlett ijiem, 15-il siegħa, 23 minuta u 25 sekonda.

“Kburi bl-ekwipaġġ u kburin b’dak li għamilna. Qatt ma stennejna li se nagħmlu dan, iżda għamilniha. Qatt ma qtajna qalbna, bqajna għaddejjin. Ilna nistennew dan il-mument ħafna,” qal Ramon Sant Hill.

Hu kompla li se jibqa’ jiftakar l-ogħla veloċità tat-tellieqa, b’23.3 knots. Sant Hill kompla li għalih kien mument memorabbli, anki jekk kien muġugħ minħabba li waqa’ fuq il-kustilji wara li mormi fuq id-deck. Madankollu saħaq li s-sensazzjoni tal-veloċità tagħmlu kuntent ħafna.

It-tieni jott Malti li qasam il-linja finali kien XP-ACT ta’ Josef Schultheis u Timmy Camilleri, f’ħin ta’ tlett ijiem, 19-il siegħa, 11-il minuta u 24 sekonda. Schultheis spjega li ilhom jikkompetu fl-aħħar seba’ snin, u saru tim solidu kif ukoll ħbieb kbar.

“Konna ma’ Elusive għal ħafna mit-tiġrija, battalja sabiħa ma’ tim tajjeb ħafna. Huma ħbieb tagħna u għalhekk kienet battalja ta’ ħbiberija. Din ir-relazzjoni hi għaliex nagħmlu din it-tellieqa u tgħin lilna biex nikkompetu.”

Elusive 2 tal-familja Podesta spiċċaw it-tellieqa anqas minn nofs siegħa wara XP-ACT b’ħin ta’ tlett ijiem, 19-il siegħa, 37 minuta u 53 sekonda. Sal-10.00am, 30 jott kompla t-tellieqa u b’27 jott li rtira uffiċjalment, fadal 73 jott fil-baħar.