Għal kull min iħobb iċ-ċikkulata, is-Sibt filghaxija l-Ħamrun se jkun il-post ideali hekk kif se tkun organizzata l-għaxar edizzjoni tal-Festival taċ-Ċikkulata mill-Kunsill Lokali ta’ din il-lokalità.
L-għażla li ssir il-Ħamrun m’hijiex b’kumbinazzjoni. Ir-rabta taċ-ċikkulata mal-Ħamrun tmur lura għaż-żmien tal-Kavallieri taħt il-ħakma tal-Gran Mastru Perellos, meta ż-żerriegħa tal-kakaw kienet tiġi maħżuna proprju fin-naħa magħrufa bħala tas-Samra.
Waqt konferenza tal-Aħbarijiet fil-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, is-sindku Christian Sammut sostna li għal sena oħra saret ħidma sabiex dan il-festival jikber u jkompli jingħata atmosfera sabiħa b’ideat ferm innovattivi u b’attrazzjonijiet uniċi. Preżenti waqt din il-konferenza kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali Robert Cutajar. Hu faħħar din l-inizjattiva għax permezz tagħha qed jingħaqdu flimkien diversi għaqdiet Ħamruniżi biex joffru serata spettakolari lill-poplu Malti.
Min se jżur dan il-festival se jkun jista’ jduq u jixtri mill-istands armati mimlija b’għażla ta’ diversi prodotti magħmulin miċ-ċikkulata. Matul it-toroq se jkun hemm diversi attrazzjonijiet magħmula miċ-ċikkulata li jinkludu pittura fuq it-tila, tatwaġġi, skulturi, body painting kif ukoll tpinġijiet.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jispikkaw attrazzjonijiet uniċi. It-tema se tkun …karattri tal-cartoons biċ-ċikkulata.
Bħal kull sena dan il-festival se jkun il-festival tad-dnubiet ħelwin… bit-togħmiet sensazzjonali li sejoffru dawk armati bi stands ta’ ħelu u ikel bbażat dejjem fuq iċ-ċikkulata.
//= $special ?>

