Lokali Parlament

Il-gvern għandu jimplimenta regoli effettivi u aħjar dwar il-ġbir ta’ skart

– Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius appella lill-Gvern biex iwaqqaf l-Avviż Legali dwar il-ġbir tal-iskart mil-lokalitajiet u jerġa’ jibda jiddiskuti għaliex dawn ir-regolamenti huma żbaljati u l-affarijiet ma sarux sew u kif suppost.

Dan l-Avviż Legali qed ikun diskuss fil-parlament f’mozzjoni tal-Oppożizzjoni mressqa mid-deputat Nazzjonalista li qal li fl-20 ta’ Settembru 2018 il-Ministru għall-Ambjent ippubblika r-regolamenti dwar ir-rimi tal-iskart. Hu qal li l-avviż legali kien inkompetenti fejn ħalla barra l-ħinijiet tal-ġbir tal-borża l-bajda tal-iskart organiku dawn ir-regolamenti huam fix-xejn u se joħloq problemi kbar.

L-Avviż Legali fih numru ta’ nuqqasijiet oħra u ma jipprovdix għal definizzjoni dwar x’inhu ħġieġ. Dan seħħ minħabba li ma kinx hemm konsultazzjoni mal-kunsilli lokali, sostna Jason Azzopardi, li kompla li l-Oppożizzjoni qed isstoni li dan l-Avviż Legali għandu jkun irtirat u l-gvern jiddiskuti s-sitwazzjoni.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li l-affarijiet mhux isiru bi ħsieb u bil-għaqal u kompla li l-edukazzjoni hi prijorità iżda l-gvern m’għamilx skema fl-iskejjel u fil-postijiet atx-xogħol. Hu qal li f’diversi lokalitajiet fosthom Raħal Ġdid u Ħal Tarxien it-tqassim tal-kontenituri ma sarx kif suppost. F’Ħ’Attard is-Sindku qal li Wasteserv għaddiet 100 kontenitur tal-iskart organiku għal 10,000 resident tal-lokal. Dawn se jingħataw lil min jiġi l-ewwel. Dan hu falliment totali, sostna David Agius.

Il-Viċi-Kap tal-PN kompla li l-Oppożizzjoni qed tappella lill-gvern biex ma jgħaġġilx u jagħmel reviżjoni tal-multi u kampanja ta’ edukazzjoni. Il-kunsilli lokali għandhom jingħataw l-għodda biex jaħdmu b’mod effettiv. L-iskop tar-regolamenti hu tajjeb iżda dawn għandhom isiru b’mod tajjeb.