Lokali

“Il-ħaddiema Maltin jixirqilhom aħjar” – Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista

Il-budget filwaqt li jiftaħar bis-surplus u ekonomija b’saħħitha, jagħti biss żieda fil-pagi ta’ €2.33 fil-ġimgħa. Ħafna kienu qed jistennew aħjar peress li l-ħaddiema Maltin kontinwament jisimgħu kemm pajjiżna sejjer tajjeb ekonomikament. Dan qalitu fi stqarrija s-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista.

Il-budget ta’ Gvern Laburista spiċċa biss eżerċizzju ta’ propaganda. Filwaqt li fil-budget nisimgħu b’dak li l-Gvern ikun jidher li qed iqassam, l-għoli f’affarijiet essenzjali u t-taxxi jaslu fix-xhur u l-ġimgħat li wara.

L-eluf ta’ ħaddiema u familji tagħhom li jridu jgħaddu b’pagi baxxi, jew li biex ilaħħqu mal-għoli esaġerat fil-prezz tal-ikel, petrol, diesel u l-gass ikollhom jagħmlu iktar minn impieg wieħed, ma nbidlilhom xejn wara dan il-budget, għajr li żdiditilhom ġurnata oħra leave. Ħafna minnhom qed jistennew li l-affarijiet essenzjali jkomplu jogħlew.

Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista tħoss li dan il-budget iħares biss fl-immedjat u mkien m’hemm proposti għal investimenti ġodda. Jidher, li pajjiżna se jibqa’ jibbaża l-ekonomija tiegħu fuq żieda esaġerata u bla kontroll ta’ barranin li jiġu jaħdmu f’pajjiżna għal pagi baxxi u dan b’detriment għall-ħaddiema Maltin.

L-SĦPN tħoss li l-ħaddiema Maltin kien jixirqilhom aħjar. Ħafna mill-ħaddiema Maltin m’għandhomx il-pagi ta €100 fis-siegħa f’konsulenzi li jitħallas l-eks ministru Laburista Edward Zammit Lewis, jew €2,111 fil-ġimgħa li jitħallas il-mibgħut speċjali tal-Prim Ministru fl-Unjoni Ewropea Cyrus Engerer jew il-€3,076 fil-ġimgħa li ddaħħal l-eks deputat Laburista Deborah Schembri minn direct orders u konsulenzi.

Il-ħaddiem Malti kien jistenna aħjar minn sempliċiment eżerċizzju ta’ propoganda. Iż-żieda fil-pagi żgur li ma tirriflettix il-ġid li pajjiżna qed joħloq.