Lokali

Imfakkar ir-raġel li dejjem kellu tbissima – Chris Marlin jingħata l-aħħar tislima

Tlifna bniedem maħbub li dejjem żamm tbissima fuq wiċċu.

Kien dan il-kliem fuq fomm kulħadd, hekk kif l-Erbgħa ngħatat l-aħħar tislima lil Chris Marlin, missier u s-sewwieq ta’ mutur li tilef ħajtu fl-eta ta’ 50 sena wara li tilef il-kontroll tal-mutur tiegħu f’Ħal Tarxien.

Net News tkellem ma’ tnejn minn sħabu, Charlon Abela u Aldo Cutajar, li flimkien ma’ Chris qattgħu sigħat twal ta’ sewqan u xogħol għall-kumpanija Express Trailers.

Huma spjegaw kif flimkien kienu bħal familja u tkellmu dwar ix-xokk malli semgħu l-aħbar. Aldo kien għaddej mill-post fejn seħħ l-inċident ftit tal-ħin wara, mingħajr ma rrealizza li dak fl-art kien sieħbu.

Matul iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjet Chris, hu kien deskritt minn Father Savio Vella, Sależjan, bħala missier b’qalb kbira, bniedem mill-aħjar li dejjem kellu tbissima fuq wiċċu u b’imħabba speċjali għas-sajd, is-sewqan, u muturi u karozzi klassiċi.

“Kemm nixtieq li kont naf lil Chris,” stqarr Vella, fost it-tbissim fuq wiċċ dawk preżenti għall-funeral, fejn bosta ftakru fil-mumenti meta Chris kien ifaqq’ ċ-ċajt u jissocjalizza ma’ shabu.

Kien imfaħħar ukoll għall-imħabba tiegħu lejn l-annimali, b’mod speċjali dawk abbandunati fit-toroq u li tant kien jieħu ħsieb.

L-aħħar vjaġġ ta’ Chris, din id-darba lejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata kien wieħed simboliku li għaqqad żewġ passjonijiet tiegħu – il-muturi u t-trailers tal-Express, li akkumpanjawh f’korteo.