Jekk sal-lum, kont tagħmel barbeque u tuża platti, taxxi jew pożati tal-plastik u tarmihom… daqshekk se tkun tista’ tagħmel hekk minn tliet snin oħra. U dan għal raġuni tajba. Dan hekk kif l-Unjoni Ewropea, f’attentat biex tipproteġi l-ambjent li ngħixu fih, qed tinsisti li l-użu tal-plastik – li hu magħruf kemm jagħmel ħsara – jitnaqqas kemm jista’ jkun.
Fil-fatt, il-Parlament Ewropew ivvota biex mill-2021, il-plastik li jintuża darba – bħall-platti, pożati, straws, u sticks tal-blalen tal-arja, jiefqu jintużaw darba għal dejjem. Dawn it-tip ta’ prodotti – li kultant qas inkunu nafu kemm jagħmlu ħsara – jirrapreżentaw aktar minn 70% tal-iskart fil-baħar. U għalhekk se jiġu projbiti fis-suq tal-UE.
U anke l-fast food kif nafuh illum mhux se jibqa’ l-istess. Jew aħjar l-apparenza tiegħu. Għax minbarra platti u tazzi, l-MEPs insistew ukoll li anke l-kontenituri użati fil-fast food – li huma magħmulin minn polistirene ċellulari – m’għandhomx jibqgħu jintużaw.
U s-sigaretti mhux se jirnexxilhom jeħilsuha lanqas. Fil-fatt, l-MEPs qablu li dawn it-tip ta’ miżuri għandhom ikopru wkoll l-iskart mill-prodotti tat-tabakk, partikolarment il-filtri tas-sigaretti għaliex anke dawn fihom il-plastik. Dan l-iskart għandu jonqos b’50% sal-2025 u 80% sal-2030. Filtru wieħed jista’ jħammeġ bejn 500 u 1000 litru ta’ ilma, u meta jintrema fit-triq, jista’ jdum tnax-il sena biex jiddiżintegra.
L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech ivvutaw favur il-protezzjoni tal-ambjent – kemm Ewropew, iżda b’mod speċjali dak f’Malta.
//= $special ?>