Sport Waterpolo

Ivan Nagaev ma’ Marsaxlokk ASC l-istaġun li ġej

Iċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni Marsaxlokk komplew bil-ħidma tagħhom biex ikollhom skwadra aktar b’saħħitha hekk kif wara li ħabbru l-akkwist tal-Kroat Andrija Vlahovic, assiguraw il-firma tar-Russu Ivan Nagaev għall-Kampjonat tas-Sajf li ġej.

Il-plejer ta’ 24 sena fil-preżent jilgħab ma’ Dynamo Moscow fir-Russja u għalih se tkun l-ewwel esperjenza tiegħu f’Kampjonat lokali. Nagaev hu plejer xellugi li se jkun qed jagħti aktar għażliet fl-iskemi tat-tim, bl-għan li Marsaxlokk ikomplu jżidu fil-kwalità tat-tim.

Nagaev kien parti mit-tim nazzjonali Russu li spiċċa fis-seba’ post fil-Kampjonat Ewropew li sar f’Barcelona f’Lulju li għadda. Hu saħansitra spiċċa fis-sitt post fil-klassifika tal-aqwa skorers bi 12-il gowl, ħamsa anqas mill-aqwa skorers Ioannis Fountoulis u Aleksandar Ivovic.

Inċidentalment, Nagaev kien f’pajjiżna fl-aħħar jiem minħabba li kien fit-tim nazzjonali tar-Russja li kontra t-tim nazzjonali Malti ilbieraħ f’logħba mill-World League Euro Cup. Ir-Russja rebħet 18-5 kontra tim esperimentali ta’ Malta, b’Nagaev jiskorja sitt gowls. Hu kellu l-opportunità li jkun preżentat bil-flokk ta’ Marsaxlokk f’laqgħa mal-President tal-klabb Victor Fenech.