Sport Sport Ieħor

Jitilgħu l-poloz tal-finali tat-Tazza Johnnie Walker

L-unuri li se jintrebħu mis-sewwieqa li jispiċċaw mal-ewwel erba' postijiet

Ilbieraħ telgħu l-poloz u ngħataw l-aħħar dettalji dwar il-finali tat-Tazza Johnnie Walker li se ssir il-Ħadd 4 ta’ Novembru. Il-poloz ittellgħu mis-sidien inffishom. Is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Racing Club Tommy Cunningham irringrazzja f’isem is-sidien lill-isponsors li għas-sitt sena konsekuttiva qed jagħtu l-appoġġ finanzjarju lil dan il-kampjonat.

Hu żied li din it-Tazza prestiġjuża ilha tagħmel parti mill-istorja tal-Malta Racing Club mill-1939 u minkejja li kienet assoċjata mal-galopp, kemm ilha li kienet inawgurata l-korsa l-ġdida, l-ewwel kampjonat għal żwiemel tat-trott kienet proprju t-Tazza Johnnie Walker.

Ir-rebbieħa fis-7 ta’ Ġunju tal-1981 kien Fust misjuq mil-leġġendarju Anthony Cassar in-Noqqu. Din hija l-ħames sena konsekuttiva li din it-Tazza qed tkun abbinata maż-żwiemel tat-trott Klassi Gold. Dan se jkun l-ewwel kampjonat wara l-waqfa tas-sajf, xi ħaġa li ilha ssir mill-2014. B’kollox kienu 75 żiemel li kkompeta f’seba’ heats biex mit-tliet semifinali, ħarġu 12-il żiemel finalist.

Alfred Braddick f’isem M. Demajo Wines and Spirits Ltd awgura l-parteċipanti kollha u saħaq li japprezza l-atmosfera u l-entużjażmu li jkun hemm fil-korsa dakinhar tal-finali.

Hu qal li bħas-snin preċedenti, il-fond tal-premijiet jammonta għal total ta’ €1600 u dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ postijiet jingħataw trofew. Barra minn huma se jirċievu flixkun Johnnie Walker skont il-klassifikazzjoni. It-tiġrija tkun is-seba’ waħda fil-programm u tibda fl-4.00pm

Il-poloz tal-finali tat-Tazza Johnnie Walker

1. American Des Clos (Michael Ellul), 2. Titan D’Abo (Noel Baldacchino), 3. M.R. Hungry Eyes (Rodney Gatt), 4. Ida Glitter (George Attard), 5. Navaj Brodda (Charles Camilleri), 6. Unit Price (Redent Magro), 7. Sephiro Flam (Julian Farrugia), 8. Udako (Andrew Farrugia), 9. Oliwer Hip (Clint Vassallo), 10. Sullivan Du Mouty (Paul Galea), 11. Top Speed (Eric Bezzina), 12. Warica (Jesmar Gafà)