Internazzjonali

Konfront bejn l-Italja u l-UE dwar il-Baġit

Matteo Salvini

Hemm konfront bejn l-Italja u l-Kummissjoni Ewropea minħabba l-Baġit għall-2019 tal-Gvern Taljan. Dan wara li l-Kummissjoni Ewropea warrbet il-Baġit propost għax kien imur kontra r-regoli fiskali tal-UE.

Imma d-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini, ilbieraħ insista li l-Italja ma kinitx se tbiddel il-Baġit li ressqet. Il-Kummissjoni Ewropea tat tliet ġimgħat ċans lill-Italja biex din tagħmel l-emendi meħtieġa fil-Baġit propost inkella kienu se jibdew proċeduri kontra l-Gvern Taljan.

Salvini, f’kummenti lill-istazzjon tar-radju RTL, insista li għall-Gvern Taljan l-ewwel jiġi l-poplu Taljan, u l-Italja ma riditx tkompli tkun skjav ta’ regoli li ma jagħmlux sens.

Din hi l-ewwel darba li l-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel pass simili. Dan il-poter ġdid inkiseb fl-2013 bħala effett tal-kriżi finanzjarja li kien hemm. Iżda Salvini u l-Gvern Taljan qed jinsistu li biex tissaħħaħ l-ekonomija Taljana u jitnaqqas id-dejn, kien hemm bżonn li jsir l-oppost ta’ dak li kienu qed jagħmlu l-gvernijiet preċedenti. Iżda minkejja dan il-konfront, Salvini insista li s-sħubija Taljana fl-ewro ma kinitx f’dubju.