Edukazzjoni Lokali

L-għalliema jixirqilhom aktar appoġġ u mhux Gvern li jitfa’ t-tort fuqhom

F'Malta hawn l-ogħla rata fl-Ewropa ta' studenti li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ

Huwa inaċċettabbli li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna jitfa’ t-tort fuq l-għalliema għan-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern biex jindirizza l-isfidi u d-diffikultajiet fis-settur tal-edukazzjoni. Hekk stqarr il-kelliem tal-PN ghall-Edukazzjoni, Clyde Puli, fi stqarrija.

Waqt diskussjoni dwar il-budget fuq l-istazzjon nazzjonali, l-Ministru Scicluna implika li l-għalliema jaħtu għall-fatt li Malta qegħda l-aħħar fl-Ewropa f’dawk li huma studenti li ma jkomplux bl-istudji tagħhom wara l-iskola sekondarja.

Statistika dettaljata tal-Eurostat turi kif f’Malta hawn l-ogħla rata fl-Ewropa ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ bi 18.6%, li hija d-doppju tal-medja tal-Unjoni Ewropea ta’ 9.6%. Din hija wkoll ferm ‘il bogħod mill-mira Ewropea ta’ 10%.

Għal dawn ir-riżultati negattivi ma jaħtux l-għalliema kif implika l-Ministru Edward Scicluna iżda jaħti l-Gvern li m’għandux pjan għall-edukazzjoni, liema nuqqas ta’ pjan wassalna sabiex fi żmien sitt snin ta’ Gvern Laburista, fl-edukazzjoni qegħdin naraw nuqqas ta’ investiment fl-edukazzjoni meta mqabbel mal-GDP.

Fil-budget, il-Gvern ma ressaq l-ebda pjan konkret biex jonqos in-numru tal-istudenti li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni. Minflok il-budget reġa’ kkonferma li l-Gvern mhux lest li jkompli bl-investiment ta’ skola ġdida kull sena, kif kien isir minn Gvernijiet Nazzjonalisti u minflok jipproponi skola ġdida qiegħed jipposponi l-bini ta’ skejjel ġodda, filwaqt li jattakka l-professjonalità tal-għalliema bi kritika inġusta u attentati fuq il-warrant tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-għalliema li minkejja d-diffikultajiet kbar li qed isibu ma wiċċhom biex jaqdu l-vokazzjoni tagħhom, jinsabu impenjati li jkomplu jagħtu edukazzjoni u formazzjoni liż-żgħażagħ tagħna. L-istudenti Maltin u Għawdxin jixirqilhom edukazzjoni aħjar li tagħtihom il-ħiliet li għandhom bżonn biex jirnexxu fis-seklu 21 u mhux Gvern bla pjan għall-edukazzjoni.