Pajjiżna tilef 4% f’temp ta’ sena f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kemm hu attraenti għall-investituri. Dan hu wieħed mill-agħar riżultati ta’ pajjiżna fl-aħħar snin.
Dan joħroġ mir-rapport annwali ta’ EY, li kien ifformulat wara survey li sar fost numru ta’ investituri. Mir-rapport joħroġ ukoll tnaqqis drastiku ieħor għal pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam mar-ranking ta’ pajjiżna dwar l-istabbiltà u trasparenza tal-ambjent politiku, legali u regolatorju ta’ Malta. Minn dan il-lat, pajjiżna niżel għal 44% mit-58% tas-sena li għaddiet, li jfisser tnaqqis drastiku ta’ 14% f’sena waħda biss.
F’messaġġ irrikordjat waqt il-preżentazzjoni ta’ dan is-survey, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Frank V. Farrugia rrimarka li dawn ir-riżultati mhux sorpriża.
Ir-rapport juri wkoll ix-xewqa tal-investituri li pajjiżna jiffoka prinċiparjament fuq l-edukazzjoni biex Malta jibqa’ pajjiż kompetittiv globalment. Dan anke fid-dawl li dawk kollha li rrispondew għas-survey ta’ EY innutaw nuqqasijiet maġġuri ta’ ħiliet fost il-ħaddiema fl-ICT u t-telekomunikazzjoni, waqt li 71% innutaw nuqqas ta’ ħiliet fis-servizzi finanzjarji u 70% innutaw tnaqqis ta’ ħiliet fis-settur tal-assigurazzjonijiet.
Dan filwaqt li 61% ta’ dawk intervistati semmew il-bżonn ta’ appoġġ għall-innovazzjoni u industriji high-tech waqt li 59% irreferew għall-bżonn ta’ appoġġ lil kumpaniji żgħar u medji.
L-investituri jinnutaw li huma żewġ terzi tal-ħaddiema tagħhom li huma lesti biex ilaħħqu mal-bidliet tad-dinja tax-xogħol u allura jħeġġu lill-awtoritajiet biex jinvestu fit-teknoloġiji diġitali u l-infrastruttura, biex pajjiżna jkun preparat għall-bidliet.
Min-naħa l-oħra pajjiżna rreġistra titjib f’dak li għandu x’jaqsam mal-mod kif pajjiżna qed jiżviluppa gal teknoloġiji innovattivi bħall-blockchain u sistemià diġitali għat-tranżazzjonijiet ta’ assi, bl-investituri jinnutaw li pajjiżna hu parti mill-Unjoni Ewropea, b’rati ta’ tassazzjoni vantaġġjużi, il-potenzjal tal-produttività u stabbiltà soċjali bħala punti pożittivi ta’ pajjiżna. Madankollu wissew li pajjiżna m’għandux jistrieħ fuq dan mingħajr azzjoni.
Finalment, ir-rapport juri li huma 78% tal-kumpaniji li joperaw minn Malta li jemmnu li fi żmien 10 snin, se jkunu għadom jaħdmu minn pajjiżna waqt li 4% ma jemmnux li dan se jseħħ.
//= $special ?>