Lokali

Skejjel sekondarji ppremjati għat-tagħlim fuq barra permezz tan-natura

Ir-Riserva Naturali tas-Salina tospita t-tnedija tal-programm ta’ BirdLife Malta Dinja Waħda fis-Sekondarja 2018-19

Studenti u għalliema minn ħames skejjel sekondarji differenti llum kienu ppremjati għall-kisbiet tagħhom tul l-aħħar sena skolastika (2017-18) fi ħdan il-programm ta’ BirdLife Malta Dinja Waħda fis-Sekondarja għall-edukazzjoni ambjentali u sostenibbli permezz tal-kirrikulu. Fl-istess ċerimonja li saret fir-Riserva Naturali tas-Salina dalgħodu, kien imniedi l-programm Dinja Waħda fis-Sekondarja għassena skolastika l-ġdida 2018-19.

Din kienet it-tieni sena konsekuttiva li skejjel sekondarji kienu ppremjati għall-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-programm li jiġi implimentat b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Edukazzjoni. L-inizjattiva Dinja Waħda ta’ BirdLife Malta, li bdiet fl-1994, hija l-programm ta’ edukazzjoni ambjentali tal-eNGO fl-iskejjel u għandha programmi separati għall-iskejjel primarji u dawk sekondarji. Fl-iskejjel sekondarji l-programm jimmira li jqarreb liż-żgħażagħ lejn in-natura u jinstigahom biex jieħdu azzjoni ħalli jtejbu l-bijodiversità u jqajmu kuxjenza favur attitudni aktar sostenibbli fi ħdan il-komunità tagħhom.

Il-programm għandu tliet taqsimiet li jistgħu jieħdu sehem fihom l-iskejjel permezz tas-suġġetti tal-kurrikulu. Dawn huma ‘Azzjoni għall-Bijodiversità’, ‘Nersqu lejn inNatura’ u ‘Inwasslu l-Għarfien’. Matul iċ-ċerimonja tal-lum, b’kollox tqassmu disa’ awards bejn ħames skejjel. Dawn ġew ippremjati b’gold, silver u bronze awards skont il-livelli ta’ parteċipazzjoni tagħhom f’kull waħda mit-tliet kategoriji msemmija hawn fuq. Id-‘Dinja Waħda Secondary Sustainability Awards’ kienu ppreżentati lill-iskejjel li pparteċipaw mill-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana u mill-Education Manager Sarah Brady akkumpanjati minn Charles Azzopardi, Executive PR & Marketing tal-Bank of Valletta. L-udjenza preżenti kienet tinkludi uffiċjali edukattivi, għalliema u studenti.

Iċ-Ċentru ta’ Riżorsi għall-Edukazzjoni ta’ Adulti Żgħażagħ Dun Manwel Attard tal-Wardija fi ħdan il-Kulleġġ Marija Reġina rebaħ l-ikbar ammont ta’ premjijiet għal din is-sena.

Mument importanti taċ-ċerimonja ta’ din is-sena kien il-video li ġabar il-ħidma li saret fuq id-diversi proġetti mill-iskejjel kollha li jipparteċipaw fil-programm Dinja Waħda, bl-għalliema u l-istudenti nfushom jispjegaw x’għamlu u x’fisser għalihom li ħadu sehem f’sessjonijiet edukattivi barra mill-klassi. Desirèe Falzon, li tikkoordina l-programm Dinja Waħda fis-Sekondarja, introduċiet l-awards u tkellmet ukoll dwar is-siti Natura 2000 li nsibu f’Malta u r-rilevanza tagħhom għall-Gżejjer Maltin minħabba li din kienet it-tema magħżula għaċċerimonja
ta’ din is-sena. Fil-fatt l-attività kienet tinkludi l-preżentazzjoni tal-pubblikazzjoni riċenti ta’ BirdLife Malta “Post għan-Natura, Siti Natura 2000 f’Malta” ta’ Victor Falzon u Elisabeth Conrad.

F’kummenti waqt l-attività ta’ dalgħodu, l-Education Manager ta’ BirdLife Malta Sarah Brady awgurat lill-iskejjel għall-impenn tagħhom favur in-natura u l-edukazzjoni ambjentali sostenibbli u ħeġġet aktar skejjel sekondarji biex jipparteċipaw fil-programm. Charles Azzopardi, Executive PR & Marketing tal-Bank of Valletta, ukoll feraħ lill-iskejjel għall-parteċipazzjoni tagħhom u enfasizza l-importanza li tinħoloq kuxjenza akbar dwar l-ambjent, speċifikament dwar il-flora u l-fawna, fost it-tfal tal-iskejjel sekondarji.