Sliema ASC ħabbru l-akkwist ta’ Norbert Hosnyanszky u Boris Vapenski bħala l-barranin tagħhom għall-istaġun tas-sajf li ġej. Din mhux se tkun l-ewwel esperjenza f’pajjiżna għaż-żewġ plejers, fejn jidher ċar li l-intenzjoni tas-Slimiżi hi li jisfidaw għar-rebħ tal-unuri.
Vapenski lagħab ma’ San Ġiljan fl-2015 u fl-2016 kif ukoll ma’ Valletta s-sena l-oħra. Is-Serb jibqa’ mfakkar fost l-oħrajn meta flimkien ma’ Guillermo Molina kien spikka biex San Ġiljan rebħu d-double fl-2015 wara assenza ta’ 20 sena, f’dak li kien l-aħħar staġun b’żewġ barranin.
Fatt interessanti se jkun ukoll kif se jkun qed jaħdem il-kowċ Sergio Afric b’dawn iż-żewġ plejers. Dan minħabba li bħalissa Afric għandu fit-tim lil Michael Spiteri Staines u Zach Mizzi u b’hekk bl-inklużjoni ta’ Vapenski, Sliema se jkollhom tliet xellugin.
Hosnyanszky lagħab f’pajjiżna din is-sena meta daħal fit-tim ta’ Marsaxlokk fit-tieni parti tal-istaġun, fejn kien strumentali biex Marsaxlokk rebħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. L-Ungeriż li għandu 34 sena hu plejer ta’ esperjenza fix-xena internazzjonali fejn rebaħ id-deheb mal-Ungerija fl-Olimpjadi ta’ Beijing fl-2008.
Hu rebaħ ukoll id-deheb fil-Kampjonat tad-Dinja ta’ Barcelona fl-2013 u l-fidda din is-sena f’Budapest. Barra minn hekk, Hosnyánszky ħa sehem f’ħames edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew fejn dejjem spiċċa mal-ewwel tlieta, kif ukoll ħa sehem fil-FINA World League u l-FINA World Cup fejn spiċċa t-tieni fiż-żewġ okkażjonijiet.
F’dan l-istaġun, Sliema kellhom lil Christian Presciutti bħala l-barrani tagħhom, bil-veteran Taljan ikollu staġun pożittiv bħas-snin preċedenti li kien lagħab ma’ Sirens. Mhux eskluż li fis-sajf li ġej, Presciutti jerġa’ jilgħab f’pajjiżna.
//= $special ?>