Il-Prosekutur pubbliku tal-Arabja Sawdija kien ikkwotat li l-omiċidju tal-ġurnalista Jamal Khashoggi li seħħ, ġimgħat ilu, fil-konsulat tas-Sawdi f’Istanbul ( fit-Turkija) seħħet bħala azzjoni ‘premeditata’.
Khashoggi kien kritiku qalil tal-Gvern Sawdi u spiċċa maqtul waqt żjara li kien għamel f’dak il-konsulat biex jiġbor dokumenti taż-żwieġ. L-Arabja Sawdija, għall-bidu, kienet ċaħdet kull għarfien tal-każ u’tal-movimenti ta’ Khashoggi’ iżda wara ammettiet li hu kien spiċċa maqtul fil-konsulat ‘minn aġenti li ma kenux taħt il-kontroll tagħha’.
Intant, l-istqarrija tal-prosekutur ingħatat wara l-investigazzjonijiet minn task-force magħmul minn elementi Sawdi u Torok. Dan meta l-prosekuturi anki qed jinterrogaw lil xi suspettati bħala parti mill-investigazzjoni konġunta.
L-Aġenzija tal-Aħbarijiet Uffiċjali tas-Sawdi rappurtat li l-Prinċep Sawdi Mohammed bin Salman laqqa’ għall-ewwel darba kumitat intiż biex jirriforma s-servizzi sigrieti tal-Istat u li kien twaqqaf wara l-mewt ta’ Khashoggi.
Il-każ tal-ġurnalista ħalla impatt qawwi fuq ir-relazzjonijiet tas-Sawdi mal-Istati Uniti u alleati oħrajn u minkejja li saru numru ta’ arresti dwar il-każ fl-Arabja Sawdija proprja.
Sadanittant, l-aħħar rapporti qalu li d-Direttur tas-CIA, Gina Haspel, semgħet rekordings li allegatament ‘jaqbdu mumenti tal-qtil tal-ġurnalista Khashoggi’. Ingħad li Haspel tħalliet tisma’ audio recording partikulari waqt żjara li hi għamlet fit-Turkija aktar kmieni din i-ġimgħa.
Wara l-qtil tal-ġurnalista, fit-2 ta’ Ottubru, l-istampa Torka kienet ikkwotat uffiċjali fis-sens li huma kellhom ir-recordings tal-interrogazzjoni u l-mewt ta’ Khashoggi, iżda, fl-istess ħin, ma ngħatawx dettalji dwar il-kontenut inkella dwar il-mezzi użati għall-kisba ta’ dawn ir-recordings.
Issa, sorsi kwotati mill-gazzetta Washington Post u l-aġenzija Reuters jidhru li qed jappoġġjaw l-istorja ‘dwar is-smigħ għal Haspel’, meta d-Direttur tas-CIA mistennija taġġorna lill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, dwar l-iżviluppi taż-żjara fit-Turkija.
Sadanittant, għad mhemm l-ebda sinjali tal-katavru ta’ Jamal Khashoggi, meta t-tfittxija – skont l-aħħar rapport – dehret li kienet qed tikkonċentra fuq bir qalb il-ġonna tal-konsulat Sawdi f’Istanbul.
//= $special ?>

