Rugby Sport

Fiduċja li t-tim nazzjonali Malti tar-Rugby jista’ jirbaħ is-Sibt kontra l-Bożnija

(Ritratt: Matthew Tabone)
It-tim Malti jilgħab is-Sibt fis-2.00pm fil-Hibernians Stadium

Wara r-rebħa tas-Sibt li għadda kontra l-Iżrael, l-ambjent fit-tim nazzjonali Malti tar-Rugby hu pożittiv għat-tieni konfront tal-European Conference 1 South kontra l-Bożnija.

F’konferenza stampa qabel il-konfront, il-kowċ Malti Damian Neill saħaq dwar kemm hu importanti li t-tim iżomm l-organizzazzjoni tiegħu għal din il-logħba biex iżommu l-avversarji distakkati mil-lasta. Neill qal li l-Bożnijahu tim li jilgħab dirett u għandhom scrum-half u fly-half li għandhom kick-ins tajbin.

Fl-aħħar konfront li lagħbet kontra l-Bożnija, Malta kienet rebħet f’Zenica 52-20, bil-kowċ tat-tim nazzjonali Malti jafferma li Malta għadha l-aħjar tim fil-grupp. Neill għamel referenza għar-rebħa kontra l-Iżrael fejn semma li kien importanti li t-tim kien dixxiplinat u żamm il-kompożizzjoni tiegħu. Hu qal ukoll li l-fatt li t-tim Malti għamel 25% tal-logħba bi plejer anqas kien sinjal ta’ karattru.

Aktar minn hekk, hu kien impressjonat kemm wara l-logħba tas-Sibt, il-plejers ingħaqdu malajr bħala tim biex jippreparaw għal din il-logħba. Neill faħħar il-kundizzjoni fiżika tal-plejers, anki jekk il-kampjonat lokali għadu wieqaf, fejn qal li probabbilment l-aħħar impenji kompetittivi għall-plejers Maltin kien lura f’April.

Il-President tal-Malta Rugby Football Union Steve Busuttil wera l-kuntentizza tiegħu li t-tim Malti rebaħ logħba fiżika kontra l-Iżrael, anki għaliex saħaq li l-avversarji kienu qed jistennew rebħa għalihom.

Hu kkonferma li sa issa hemm numru ta’ biljetti li diġà nbiegħu għall-partita u qal li “t-temp mistenni jkun tajjeb għas-Sibt u għalhekk għandu jgħin biex ikun hemm atmosfera tajba għal sport li jġib suċċess lill-isport Malti,” qal Busuttil.

Neqsin għat-tim Malti se jkun hemm Clayton Cassar u Harry Collins, u għad irid isir eżami fuq il-kundizzjoni fiżika ta’ Malcolm Attard.

Tags