Lokali

Il-bdiewa reġgħu minsijin

“Minkejja li l-biedja ma tikkontribwixxix ħafna għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll għall-impjiegi….”

Hekk tibda’ l-unika sentenza fid-diskors sħiħ tal-budget għas-sena d-dieħla li mbagħad ma joħroġx bi proposta waħda sabiex dan is-settur jerġa jqum fuq saqajh.

Netnews.com.mt staqsa lil Malcolm Borg kif ġew milquta l-bdiewa b’dan il-budget. It-tweġiba tiegħu kienet li kieku kien hemm xi ħaġa msemmija fil-budget, kien ikun jista jikkummenta, iżda li dan il-budget ħalla dan il-qasam barra għal kollox.

Malcolm Borg qal li jidher ċar li mhemmx ir-rieda politika li dan is-settur jerġa jieħu r-ruħ u qal li jekk is-sitwazzjoni ma tingħatax l-attenzjoni mistħoqqa, pajjiżna se jitlef darba għal dejjem il-biedja tal-prodott lokali. Hu kompla jgħid li bin-nuqqas ta’ mpenn minn naħa tal-Gvern u bl-isfidi reali li qed jiffaċċjaw il-bdiewa, ix-xogħol f’dan il-qasam qiegħed kull ma jmur isir dejjm aktar diffiċli, tant li aktar u aktar bdiewa qegħdin jaqtgħu qalbhom u jżarmaw. Skont Borg, ikun ottimist meta jgħid li b’din ir-rata, sa ħmistax-il sena oħra, il-biedja Maltija tkun qed tieħu l-aħħar nifsijiet tagħha.

Borg semma fost l-oħrajn il-problemi tal-ilma, dik tal-qbiela tal-artijiet kif ukoll il-problemi fl-istruttura fiżika u iktar w’iktar organizzattiva fil-pitkalija. Hu qal li s-sistema antikwata kif taħdem il-pitkalija tifsser nuqqas ta’ kontroll f’idejn il-bdiewa fuq il-prodott tagħhom u spjega kif il-bdiewa ma jistgħux jifhmu r-raġuni wara din in-nuqqas ta’ rieda għat-titjib fil-qasam li hu l-għixien tagħhom.