Lokali

“Il-Budget injora d-diskrepanzi bejn il-fqir u s-sinjur f’Malta” – Lawrence Gonzi

Il-Gvern Laburista, li għandu l-vantaġġ li mhux jaffaċċja diffikultajiet internazzjonali li affaċċja pajjiżna fil-passat, messu uża aħjar ir-riżorsi ta’ pajjiżna biex qassam il-ġid fil-budget.

Iddikjara dan l-eks Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi, li kien il-mistieden speċjali ta’ l-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat ta’ diskussjonijiet li l-Assoċjazzjoni Pensjonanti Nazzjonalisti, l-APAN, qed jorganizzaw darba fix-xahar, kull l-aħħar Ħamis tax-xahar.

Waqt li fakkar kif bħala Prim Ministru kien affaċċjat minn kriżi finanzjarja globali, prezz rekord tal-fjuwil u l-kriżi tal-Libja fost oħrajn, Lawrence Gonzi qal li l-budget Laburista kellu jaħdem iktar biex jitnaqqas id-distakk bejn il-fqir u s-sinjur bl-użu aħjar tar-riżorsi tagħna.

Għal mistoqsija li saritlu mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, Lawrence Gonzi ddikjara li jħoss għafsa ta’ qalb kull meta jsiefer fuq xogħol u dawk li jiltaqa’ magħhom jpoġġu f’dubju r-reputazzjoni ta’ pajjiżna li bħala politiku kien ħadem biex tant bena.

Hu qal li l-fama li ksibna wara skandli ripetuti ta’ Gvern Laburista ma tixirqilniex u jittama li pajjiżna jirnexxielu jnaddaf ismu mill-ġdid.

Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u Jean Pierre Debono.

Il-laqgħa li jmiss issir fid-29 ta’ Novembru u se tkun indirizzata wkoll minn Antoine Mifsud Bonnici.