Lokali

Il-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza f’Malta hu l-ogħla fl-UE

Pajjiżna ħareġ 23 permess għal kull elf ruħ li hawn f'Malta

Meta wieħed iqabbel ras għal ras, Malta għandha l-akbar ammont ta’ permessi ta’ residenza li jinħarġu għall-barranin. Dan skont cifri mahruga mill-Eurostat għas-sena li għaddiet.

Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw l-ammont kbir ta’ barranin li qed jiċċaqalqu lejn Malta, u li l-maġġoranza tagħhom ġejjin mis-Serbja, il-Filippini u l-Indja.

Għal kull elf persuna f’Malta, qed jiġu reġistrati 23 barrani li jingħataw permess ta’ residenza. Dan in-numru hu akbar minn Ċipru, il-Polonja u l-Iżvezja. Ras għal ras, Malta qed toħroġ permessi ta’ residenza saħansitra aktar mil-Lussemburgu.

Il-Eurostat jikkonferma li fl-2017 kien hemm 11,000 barrani li ingħataw permess li jgħixu Malta. 18 fil-mija minn dawn huma Serbi.

Din il-ġimgħa stess ħarġet statistika illi turi kif il-popolazzjoni f’San Pawl il-Baħar splodiet f’dawn l-aħħar 3 snin – bil-maġġoranza ta’ dawk li xtraw jew krew f’din iz-zona huma barranin. Mill-2015, San Pawl il-Baħar kiber b’26 fil-mija.