Lokali

Il-klijenti ta’ Satabank għandhom jingħataw kull għajnuna

Filwaqt li l-aħbar li l-klijenti ta’ Satabank reġa’ għandhom aċċess għall-kontijiet tagħhom, il-klijenti li għandhom depożiti leġittimi fil-bank għadhom qed ibatu minn restrizzjonijiet wara li l-kontijiet tagħhom kienu ffriżati għal 48 siegħa.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco u l-Kelliema għall-Ekonomija u s-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono, il-Partit Nazzjonalista innota li d-deċiżjoni tal-MFSA li tħalli l-klijenti l-aċċess għall-kontijiet tagħhom xorta waħda hi suġġetta għal xi kundizzjonijiet, b’mod partikolari jekk il-kont ma’ Satabank, kien l-uniku kont għal ċertu persuni.

Il-Persuni u l-kumpaniji li għandhom bżonn jiftħu kont bankarju ġdid iridu jgħaddu minn proċess twil li se jpoġġihom f’iktar stress u diffikultajiet finanzjarji. Għaldaqstant, tkompli l-istqarrija tal-PN, l-MFSA għandha tieħu azzjoni immedjata biex jitnaqqas ir-riskju finanzjarju għal dawn in-negozji u fejn hemm lok, anki jingħataw kumpens.

L-istqarrija tkompli li l-MFSA kienet xħiħa bl-informazzjoni tagħha lill-klijenti ta’ Satabank, kemm individwi kif ukoll kumpaniji. Mario de Marco u Kristy Debono fakkru li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna hi kruċjali fejn is-settur privat u investituri leġittimi qed iħallsu l-prezz tal-atteġġjament passiv tal-Gvern biex isewwi din ir-reputazzjoni.