Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsilli għandhom bżonn aktar finanzi biex jaħdmu

Il-Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN) jinnota b’dispjaċir li dan il-budget kompla bl-istrateġija tal-Gvern li bil-mod il-mod qed inezza’ lill-Kunsilli Lokali mir- responsabbiltajiet tagħhom. L-inizzjattivi fil-budget jitkellmu biss li tnediet white paper, li se jinħoloq fond sabiex issir iż-żamma ta’ proġetti maġġuri u fond biex jittieħdu inizjattivi dwar ħajja sana.

Il-KKLPN jemmen li l-Kunsilli Lokali jistgħu jagħmlu ħafna iktar minn hekk. Jekk il-Gvern verament jemmen fil-Kunsilli Lokali irid jagħtihom l-għodda u l-finanzi sabiex jaħdmu. Il-Kunsilli Lokali diġà tteħdilhom numru ta’ responsabbilitajiet, bħar-responsabbilità tal-uffiċjali tal-komunità u r-responsabbilità tat-toroq. Fil-white paper hemm ukoll indikazzjoni li ċerta responsabbilitajiet jistgħu jkomplu jittieħdu mill-Kunsilli Lokali u jgħaddu għand ir-reġjuni. Dan huwa vot ta’ sfiduċja fil-Kunsilli Lokali, li huma l-vuċi tar-residenti.

Il-KKLPN jemmen li l-Kunsilli Lokali jistgħu jkunu ħafna iktar effettivi biex jindirizzaw il- qasam soċjali fil-komunità. Il-Partit Nazzjonalista ħareġ b’dokument bi 80 proposta, fosthom li kull Kunsill ikollu budget ring-fenced għall-qasam soċjali u diversi proposti oħra bħall-ingaġġ ta’ community u youth workers biex b’hekk tassew jiġu indirizzati l-problemi soċjali mil-livell tal-lokalità, liema problemi qegħdin dejjem jikbru.

Il-problemi ta’ sigurtà u nfurzar lokali wkoll qegħdin dejjem jiżdiedu u b’dispjaċir l-KKLPN jinnota li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista f’dan ir-rigward, bħas-sistema ta’ community policing u ħafna inizjattivi oħra ġew injorati.

Għaldaqstant, il-KKLPN iħeġġeġ lill-Gvern biex ma jibqax jċekken l-importanza tal-Kunsilli Lokali, b’mod speċjali meta din is-sena il-Kunsilli qed jiċċelebraw il-25 sena tagħhom. Għal din l-okkażjoni, l-KKLPN kien jistenna miżuri li jkabbru l-ħidma tal-Kunsilli Lokali u mhux bil-kontra.