Futbol Sport

Inter iġeddu l-kuntratt ta’ sitt plejers

(Ritratt: EPA)

Ġurnata wara li sfaw megħluba minn Barcelona, Inter ħabbru b’mod uffiċjali li ġeddew il-kuntratt ta’ sitt plejers fl-iskwadra tagħhom.

Id-difensur Joao Miranda ffirma kuntratt sat-30 ta’ Ġunju tal-2020 u l-winger Taljan Antonio Candreva ġedded sat-30 ta’ Ġunju tal-2021. Il-midfielders Marcelo Brozovic u Matias Vecino ġeddew sal-aħħar ta’ Ġunju tal-2022 filwaqt li d-difensur Dalbert u l-midfielder Roberto Gagliardini ffirmaw kuntratt sat-30 ta’ Ġunju tal-2023.

L-aktar plejer li ilu mal-klabb minn dawn is-sitt plejers hu Joao Miranda li ngħaqad ma’ Inter fil-bidu tal-istaġun 2015/2016 u Marcelo Brozovic ngħaqad magħhom mingħand Dinamo Zagreb f’Jannar tal-2015. L-istaġun ta’ wara, Inter kienu akkwistaw lil Antonio Candreva u f’Jannar tal-2016 huma akkwistaw lil Roberto Gagliardini mingħand Atalanta. Fis-sajf tas-sena l-oħra ssieħbu mal-klabb Dalbert u Vecino.

Taħt it-tmexxija tal-kowċ Luciano Spalletti, Marcelo Brozovic u Matias Vecino stabbilixxew ruħhom bħala koppja f’nofs il-grawnd, filwaqt li f’dan l-istaġun Antonio Candreva u Joao Miranda tilfu post regolari fit-tim. Roberto Gagliardini u Dalbert ftit qed ikunu użati mill-kowċ Taljan.