Futbol Sport

Jikbru l-problemi ta’ Milan …. rebħiet għal Arsenal, Chelsea u Lazio

(Ritratt: EPA)

Il-kriżi ta’ Milan kompliet tikber meta b’sospriża r-Rossoneri kienu megħluba f’San Siro minn Real Betis. Riżultat li issa jġib ukoll f’periklu l-kwalifikazzjoni ta’ Milan mal-aħħar 32, fejn issa huma Real Betis fl-ewwel post b’seba’ punti, segwiti minn Milan li għandhom sitta u Olympiacos erba’ punti. Milan issa jmisshom imorru Spanja kontra l-istess Real Betis, fejn issa Milan ma jistgħux ifallu iktar punti.

Wara r-riżultat u l-prestazzjoni negattiva fid-derby kontra Inter, u l-kritika u l-pressjoni fuq il-kowċ Gattuso, kienet mistennija reazzjoni minn naħa ta’ Milan, iżda minflok il-prestazzjoni ta’ Milan kienet forsi l-agħar waħda tal-istaġun.

Real Betis kien jimmerithom is-suċċess fejn fl-ewwel taqsima minbarra l-gowl tal-vantaġġ fallew xi ċansijiet tajba ta’ skor minbarra li kellhom ukoll dak li deher gowl regolari mħassar mir-referee.

Milan wettqu biss reazzjoni fl-aħħar kwarta, fejn fiha naqqsu l-iskor permezz tas-solitu Patrick Cutrone u fl-aħħar minuta kienu mċaħħda minn dak li deher penalty fuq Castillejo, bl-istess plejer jitkeċċa fil-ħin miżjud għal daħla vjolenti fuq avversarju.

It-tim l-ieħor Taljan fil-kompetizzjoni Lazio, kiseb rebħa ferm importanti fi Franza kontra Marseille 3-1. Il-gowls tagħhom kienu skorjati minn Wallace, Caicedo u Marusic.

Mill-istess grupp Apollon Limassol li magħhom jilgħab Andrè Schembri, sofrew telfa ta’ 2-0 kontra Eintracht Frankfurt, bl-internazzjonali Malti jidħol bħala sostitut fit-tieni taqsima.

Il-klabbs minn Londra Chelsea u Arsenal huma kważi ċerti mill-kwalifikazzjoni meta kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva tagħhom u għadhom b’punti massimi. Arsenal rebħu f’Lisbona kontra Sporting 1-0 gowl ta’ Danny Welbeck, filwaqt li fi Stamford Bridge Chelsea għelbu lil BATE Borisov 3-1 bil-gowls kollha tal-Blues jaslu minn Ruben Loftus-Cheek.

Kienet lejla tajba għall-klabbs Spanjoli fejn minbarra r-rebħa ta’ Real Betis, Villarreal taw ħamsa u Sevilla skorjaw nofs tużżana.

Riżultati kollha tat-tielet ġurnata tal-UEFA Europa League

Grupp A – AEK Larnaca v Ludogorets 1-1 , FC Zurich v Bayer Leverkusen 3-2

Grupp B – Leipzig v Celtic 2-0 , Salzburg v Rosenborg 3-0

Grupp Ċ – FC Copenhagen v Slavia Praga 0-1 , Zenit v Bordeaux 2-1

Grupp D – Anderlecht v Fenerbahce 2-2 , Spartak Trnava v Dinamo Zagreb 1-2

Grupp E – Qarabag v Vorskla 0-1 , Sporting v Arsenal 0-1

Grupp F – Milan v Real Betis 1-2 , Dudelange v Olympiacos 0-2

Grupp G – Rangers v Spartak Moscow 0-0 , Villarreal v Rapid Vienna 5-0

Grupp H – Eintracht Frankfurt v Apollon Limassol 2-0 , Olympique Marseille v Lazio 1-3

Grupp I – Besiktas v Genk 2-4 , Sarpsborg v Malmo 1-1

Grupp J – Sevilla v Akhisarspor 6-0 , Standard Liege v Krasnodar 2-1

Grupp K – Jablonec v Astana 1-1 , Rennes v Dynamo Kyiv 1-2

Grupp L – Chelsea v BATE Borisov 3-1 , PAOK v Vidi 0-2