Pakkett suspettat bħala ittra-bomba u simili għal pakketti oħrajn li ntbagħtu lill-bini tas-CNN u lil diversi personalitajiet tal-Partit Demokratiku, intbagħat fir-ristorant ta’ New York li hu proprjetà tal-attur tal-films rinomat Robert De Niro.
Dan fost investigazzjonijiet intensivi dwar is-sensiela ta’ pakketti suspettużi li kienu rappurtati fl-aħħar jiem u meta l-mira ewlenija qed ikunu persuni meqjusin bħala kritiċi kbar tal-President Amerikan Donald Trump.
F’każ ta’ provi konkreti li l-pakkett li wasal fit-Tribeca Grill ( ta’ De Niro) hu l-istess bħal ta’ qablu, dan ikun ‘id-disa’ każ fejn ikun intbagħat tagħmir splussiv lill-kritiċi ta’ Trump , din il-ġimgħa.’
Ir-ristorant ta’ De Niro ma kellux nies fih fil-ħin meta wasallu l-pakkett suspettuż. Dan meta l-istess De Niro ma żamm lura qatt milli jikkritika lil Trump fil-miftuħ u fejn darba kien fisser pubblikament it-tmexxija tal-President bħala ‘diżastruża għal pajjiżu’.
Ftit wara l-aħħar aħbar, il-President Trump bagħat messaġġ fuq Twitter li deher intenzjonat bħala akkuża diretta lill-istampa. Il-messaġġ sostna li ‘ħafna mir-rabja fis-soċjetà tallum hi dovuta għar-rappurtaġġ falz u impreċiż tal-media’, iżda Trump fl-ebda ħin ma rrefera għall-pakkett li ntbagħat lil de Niro inkella għall-inċidenti simili ta’ qabel.
Is-sensiela tal-allerts dwar il-bombi ilha mit-Tnejn, meta numru ta’ tagħmir splussiv kienu ntbagħtu f’diversi lokalitajiet ta’ New York, iz-zona ta’ Washngton u Florida.
Skont l-FBI, dan it-tagħmir intbagħat lill-biljunarju George Soros, li hu donatur kbir tal-Partit Demokratiku Amerikan; l-eks Segretarju tal-Istat Hillary Clinton u l-eks President tal-Istati Uniti, Barack Obama. Spiċċaw ukoll fil-mira ( fost oħrajn) l-eks President Amerikan, Joe Biden, l-eks Avukat Ġenerali Amerikan Eric Holder u l-eks Direttur tas-CIA, John Brennan.
//= $special ?>

