Internazzjonali

L-Italja: Arresti ta’ immigranti dwar qtil u stupru, bil-każ jingħata bixra politika

Żewġ immigranti – it-tnejn irġiel Senegaliżi u x’aktarx immigranti irregolari — kienu arrestati mill-pulizija li qed jinvestigaw il-qtil u l-istupru ta’ tfajla Taljana adolexxenti, u meta l-elementi populisti tal-lemin, bħalissa, qegħdin jagħmlu kapital politiku mill-każ.

Il-katavru ta’ Desiree Mariottini, ta’ 16-il sena, instab ġo bini abbandunat f’zona ta’ Ruma partikulari magħrufa għat-traffikar tad-droga. Il-vittma kienet spiċċat iddrogata u stuprata diversi drabi – bil-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Salvini, filwaqt li kkundanna lill-qattiela tat-tfajla bl-aktar termini ħorox, iwiegħed li ssir il-ġustizzja ma’ kulmin kien involut fir-reat.

Salvini, li jmexxi lill-Partit tal-Lega li hu kontra l-immigrazzjoni hu protagonista wara miżuri biex ma jibqgħux protetti l-immigranti fil-pajjiż li mgħandhomx l-istatus ta’ refuġjati. Impenn ieħor ta’ Salvini hu biex il-bastimenti tal-NGOs ma jitħallewx jidħlu bl-immigranti fil-portijiet Taljani.

Meta mar fuq il-post fejn inqatlet Mariottini, Salvini kien milqugħ b’taħlita ta’ applawż u insulti, meta l-kritiċi tiegħu qegħdin jakkużawh talli ‘qed jieħu vantaġġ politiku mit-traġedji umani’.

L-investigaturi jemmnu li Desiree Mariottini spiċċat abbużata minn persuni mhumiex magħrufa qabel mietet b’overdose ta’ droga. Il-pulizija qed jaħsbu li sa sitt persuni, fosthom żewġ Taljani, setgħu kienu involuti fl-omiċidju, bl-aħħar rapporti jsostnu wkoll li l-awtoritajiet ‘sabu t-traċċi ta’ tielet suspettat’.

Sadanittant – u sa qabel l-arrest tas-Senegaliżi bħala suspettati – Matteo Salvini kien diġà qed juża l-każ ta’ Mariottini biex jippromwovi ‘il-ponn tal-ħadid fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali’. Dan wara li Salvini kemm il-darba enfasizza r-reati serji mwettqa mill-immigranti fl-Italja fuq il-media soċjali.