Robin van Persie ammetta li probabbilment se jkun qed jirtira mill-futbol fi tmiem l-istaġun. L-Olandiż ta’ 35 sena qed jilgħab ma’ Feyenoord, il-klabb li miegħu beda l-karriera professjonali qabel ingħaqad ma’ Arsenal fl-2004.
F’dan l-istaġun, Van Persie skorja sitt gowls fl-Eredivisie, b’Feyenoord jinsabu fit-tielet post wara PSV Eindhoven u Ajax. “Meta għandi nieqaf? Dan hu probabbli fi tmiem l-istaġun. Se jkolli 36 sena u se jkun ili professjonali għal 18-il sena. Mill-età ta’ ħames snin, ili biss involut fil-futbol,” qal van Persie lill-pubblikazzjoni Olandiża AD.
Van Persie lagħab għal tmien staġuni ma’ Arsenal fejn magħhom skorja 132 gowl f’278 logħba, iżda magħhom rebaħ biss FA Cup fl-2004. Hu ngħaqad mar-rivali Manchester United fl-2012 għal madwar €30 miljun u għenhom jirbħu l-Premier League fl-aħħar staġun ta’ Sir Alex Ferguson fit-tmexxija tar-Red Devils.
Hu għamel tliet staġuni ma’ Manchester United biex fl-2015 ingħaqad mat-tim Tork Fenerbahce. Issa li rritorna fl-Olanda, van Persie ammetta li qed jieħu pjaċir jilgħab aktar milli għamel fl-aħħar snin.
Hu qal li ma jemminx li r-ritorn tiegħu ma’ Feyenoord ikun ta’ suċċess biss jekk jirbħu l-kampjonat. L-attakkant żied li ma riedx jirtira mill-futbol mingħajr ma jkun qed jieħu pjaċir u qal li dan il-gost reġa’ rritorna kemm ilu li reġa’ ngħaqad ma’ Feyenoord.
“Jien ridt nagħti xi ħaġa lura, naqsam l-esperjenzi. Qed nipprova ngħin lill-plejers żgħażagħ. Jien nara aspett aktar miftuħ milli tirbaħ titlu jew le. Dik hi l-mira, dak li l-klabb jgħid ukoll, iżda nirbħu jew ma nirbħux titlu mhux deċiżiv għalija jekk ir-ritorn mal-klabb kienx ta’ suċċess,” sostna van Persie.
//= $special ?>