Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

Bjorn Formosa: Iċ-Ċittadin Ewropew tas-sena

Il-Parlament Ewropew jippremjah bl-ogħla unur tiegħu

Bjorn Formosa l-Ġimgħa filgħaxija ġie ppremjat ċ-Ċittadin Ewropew tas-sena f’ċeremonja f’Dar l-Ewropa, il-Belt Valletta, imdawwar bil-familjari u l-ħbieb tiegħu attivisti f’ALS Malta.

Il-Membri Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech, flimkien ma’ Marlene Mizzi u Miriam Dalli mill-Partit Laburista innominaw lil Bjorn Formosa għal dan il-premju li jirrikonoxxi l-valuri u l-ispirtu Ewropew f’nies li jiddistingwu lilhom infushom minn oħrajn.

Staqsejna lil Bjorn xi tfisser għalih li l-Parlament Ewropew rrikonoxxieh bl-ogħla premju li jista’ jagħti liċ-ċittadini Ewropej:

“Ovvjament kuntent, onorat b’dan il-premju però ovvjament jfisser li x-xogħol li qed nagħmlu qed jiġi apprezzat u huwa ta’ utilità għal dawk li għandhom bżonnu fil-komunità. Dan iservina biex jixprunana u nkomplu b’din il-ħidma li tkun utli għal min għandu bżonn.”

Roberta Metsola, Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, elaborat kif l-MEPs Maltin waslu għal din l-għażla:

“Bjorn Formosa huwa ta’ ispirazzjoni u għandu l-ammirazzjoni tal-pajjiż kollu. Il-ħidma tiegħu għall-persuni li jbatu bl-ALS hija waħda li lilna tagħtina kurraġġ. Dan jurina kif wieħed jista’ jegħleb it-tbatija bis-solidarjetà u bil-ħidma tant qalbiena li ġabet lill-pajjiż kollu f’għajta waħda, ‘Ejjew nagħtu dak kollu biex negħlbu din il-marda daqshekk kiefra.’”

Bjorn temm jgħid kif grazzi għall-ġenerożità tal-poplu Malti qed iwettaq xewqa oħra tiegħu ta’ dar oħra fil-komunità din id-darba f’Ħaż-Żebbuġ biex tgħin aktar nies:

“Irridu nikkrejaw xi ħaġa unika, mhux għal Malta biss iżda għall-Ewropa u d-dinja li jkun ċentru li jilqa’ pazjenti b’mard newro-deġenerattiv u jittratthom bl-aqwa mod possibli. B’hekk inkabbru l-possibiltajiet li dawn il-pazjenti b’mard terminali xi darba jsibu xi tip ta’ kura waqt li jgħixu ħajja aħjar.”

Huwa stqarr kif dan il-proġett se jindirizza l-affarijiet nieqsa mill-ewwel proġett b’mod li jsibhom f’Dar Bjorn il-ġdida f’Ħaż-Żebbuġ biex jinħoloq sptar żgħira fil-komunità f’ambjent akkoljenti u bl-aħħar teknoloġija. B’hekk jiġu ndirizzati kwalunkwe tip ta’ problemi li dawn it-tip ta’ pazjenti jistgħu jiltaqgħu magħhom.