L-attakkant ta’ Valletta Bojan Kaljevic rebaħ l-unur tal-Plejer tax-Xahar għal Settembru, f’dak li kien l-ewwel xahar sħiħ ma’ Valletta wara li kien akkwistat fl-aħħar ġurnata ta’ Awwissu.
F’Awwissu, Valletta tilfu l-ewwel żewġ logħbiet tal-kampjonat kontra Sliema Wanderers u Hibernians u t-tielet logħba kontra Birkirkara kienet importanti għalihom biex jiksbu l-punti.
Kaljevic spikka fid-debutt meta fetaħ l-iskor fil-55 minuta b’daqqa ta’ ras li għelbet lil Kristijan Naumovski wara kross ta’ Miguel Alba. Valletta eventwalment rebħu 3-0 f’dik li kienet l-ewwel rebħa għalihom u li kienet il-bidu ta’ sensiela ta’ riżultati għalihom.
L-attakkant Montenegrin sab ukoll ix-xibka fir-rebħa ta’ 6-0 kontra Qormi. Kaljevic fetaħ l-iskor fl-14-il minuta b’konklużjoni li kienet ftit imxellfa. Hu skorja wkoll ir-raba’ gowl ta’ Valletta u serva lil Mario Fontanella biex it-Taljan skorja t-tielet u l-ħames gowls.
F’Settembru wkoll, Valletta għelbu lil Senglea Athletic 5-1, b’Kaljevic jiskorja tripletta. Wara li Fontanella kien fetaħ l-iskor, Kaljevic skorja t-tieni u t-tielet gowl fit-12 u l-14-il minuta u saħansitra skorja l-ħames gowl fl-54 minuta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofew lil Kaljevic, li għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni relatata ma’ dan l-unur.
//= $special ?>