Lokali

Għarfien dwar l-importanza tal-isport

“Il-ħolma tiegħi għall-isport hija favur soċjetà ħielsa mill-korruzzjoni fl-isport, favur soċjetà li ma tibqax tiġi l-ewwel fl-obeżità, u favur soċjetà li żżid is-suċċessi fil-qasam sportiv.”

Dan kien kliem il-kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Isport, Ryan Callus fid-diskors tiegħu waqt il-forum li sar fil-ftuħ ta’ National Sport Forum, bit-tema għal din is-sena tkun ‘Dynamics towards Success’.

Hu saħaq li hemm bżonn li pajjiżna jaħdem iktar fuq il-kapaċitajiet sportivi. Fakkar li d-daqs ta’ pajjiżna m’għandux iżommna milli nimxu ‘l quddiem fis-settur tal-isport, iżda għandu jtina iktar determinazzjoni.

Rigward il-kwistjoni ta’ trakka, Ryan Callus qal li din hija wegħda elettorali li għandha tiġi mplimentata. Dan biex toffri opportunità għall-atleti Maltin f’pajjiżna, biex b’hekk ma jkollhomx għalfejn imorru f’pajjiżi barra minn Malta biex jipprattikaw id-delizzju tagħhom.

Hu żied jgħid li it-trakka kapaċi tnaqqas l-ammont ta’ inċidenti tat-traffiku hekk kif tista’ tintuża biex is-sewwieqa jitħarġu.

Hu appella biex pajjiżna jżied l-għarfien dwar l-importanza tal-isport biex Malta ma tibqax f’pożizzjoni ħażina fejn tidħol l-obeżità.

Ryan Callus irrikonoxxa l-fatt li hemm maturità politika bejn iż-żewġ partiti politiċi biex jiġġieldu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-isport.

Appella wkoll biex tiżdied l-għajnuna finanzjarja mgħotija għal dan is-settur.