ĦAMRUN S……………….. 2 BIRKIRKARA…………… 1
Ħamrun S: M. Bartolo, A. Monticelli, E. Pepe, T. Caruana, S. Domoroud, M. Gauci, N. Priso, K. Micallef, A. Donneil Moukanza, O. Nikodopolous, C. Calil
Birkirkara: K. Naumovski, D.Chapoval, M. Guillaumier (J. Grech 74’), M. Andelkovic, P. Fenech, K. Zammit, E. Dos Santos, M. Mifsud (T. De Souza 62’), C. Attard (E. Herrara 62’), M. Franca De Siqueira, C. Rodriguez
Imwissija: T. Caruana 29’, M. Gauci 38’, E. Pepe 38’, A. Monticelli 56’ (Ħ), M. Andjelkovic 41 (B)
Skorjaw: C. Rodriguez 8’ (B), C. Calil 34’, 73’ (Ħ)
Referee: Darryl Agius
Assistenti Referees: Roberto Vella, Dusan Petrovic
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Caetano Calil (Ħamrun Spartans)
Attendenza: 436
Rapport: James Aaron Ellul
Ħamrun dawru telfa f’rebħa hekk kif għalkemm Birkirkara kien it-tim l-aktar influwenti fl-ewwel taqsima, fit-tieni taqsima, kienu Ħamrun li saħħew il-preżenza tagħhom u ħadu vantaġġ fuq it-tim Karkariż li fit-tieni taqsima deher mitluf u bla enerġija. Partita li tat spettaklu u li tat divertiment mill-aqwa lil dawk preżenti, bl-azzjonijiet tul il-logħba ma naqsux.
Birkirkara bdew fuq l-offensiva u ftit li xejn damu jaħsbuha u marru fil-vantaġġ fl-ewwel minuti tal-partita. Xutt ta’ Marcelo kien imċaħħad, bil-gowlkiper salva iżda ma qabadx, il-ballun spiċċa għand Guilaumier li qassam lill-istess CARLOS CHAVARRIA li ħataf l-opportunità u xeħet fix-xibka.
Tul l-ewwel minuti, Birkirkara komplew jippressaw, b’tentattivi minn Franca De Siqueria fil-15 u d-19-il minuta ħabbtu lill-gowlkiper Ħamruniż Bartolo.
Fit-33 minuta xutt ta’ Attard għadda għoli, fejn għalkemm kien bis-saħħa, ma ħoloqx periklu lill-Ispartans. Minuta wara Ħamrun ħatfu l-opportunità u bil-kontrattakk għamlu l-iskor indaqs hekk kif CAETANO CALIL b’pass mix-xellug minn Moukanza, nżżel sabiħ f’saqajh u b’faċilità tefa’ l-ballun fix-xibka.
Disgħa u tletin minuta logħob, free-kick ta’ Franca De Siqueria ħoloq ftit periklu, iżda xutt bir-ras ta’ Chapoval kien salvat minn Bartolo.
Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Birkirkara poġġew lilhom infushom f’inċertezza, hekk kif backpass ħoloq periklu lid-difiża Karkariża, bil-Ħamruniżi pruvaw jisfruttaw is-sitwazzjoni li iżda kien għalxejn.
Wieħed u ħamsin minuta logħob, save mill-aqwa ta’ Naumovski ħalla l-iskor parzjali ndaqs hekk kif azzjoni li beda Moukanza, ħolqot periklu lil-lasti Karkariżi, iżda Domoroud naqas milli jikkonverti. Tliet minuti wara Mifsud qassam lil Andelkovic, li għalkemm b’xutt b’saħħtu falla ċ-ċans li jitfa’ lill-Istripes fil-vantaġġ.
Ħamrun baqgħu jagħfsu u kien CAETANO CALIL li fit-73 minuta tefa’ lill-Ispartans fil-vantaġġ, b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa l-kbira li għeleb lill-gowlkiper Karkariż.
L-aħħar azzjoni denja tal-partita kienet fit-88 minuta hekk kif xutt angolat minn Marcelo għadda żbrixx minn mal-lasti Ħamruniżi. Fl-ewwel partita tat-tmien ġurnata fil-kampjonat Ħamrun ħadu l-ewwel rebħa f’ħames logħbiet u laħqu lill-istess Birkirkara fil-klassifika, f’partita mimlija azzjoni fil-Grawnd taċ-Ċentinarju.
//= $special ?>