Lokali Qorti

IL-KAŻ TA’ HUGO CHETCUTI: Kaos fl-awla tal-Maġistrat Farrugia

Hekk kif fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Bojan Cmelik, li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti, illum iddomina l-kaos fl-awla tal-Maġistrat Marse Ann Farrugia. Dan wara li Cmelik deher qed jitbissem waqt li bdiet tingħata ix-xiehda li qed titressaq mill-Prosekuzzjoni.

Dak il-ħin kienet qed tingħata testimonjanza minn Noel Falzon, li hu r-raġel ta’ oħt Hugo Chetcuti.

Kien l-avukat Joe Giglio illi ġibed l-attenzjoni dwar il-mossi li beda jagħmel Cmelik. Fejn stqarr illi din ma kinitx l-ewwel darba li poġġa’ tbissima fuq fommu waqt il-kumpilazzjoni. L-avukat Giglio insista li bħalissa l-familja ta’ Hugo Chetcuti għaddejja minn żmien diffiċli, u li l-akkużat irid joqgħod attent għaliex “kulħadd għandu sentimenti”.

Kien f’dan il-waqt li bdew jinstemgħu ħafna vuċijiet ta’ nies irrabjati barra l-awla.

Aktar tard, anke is-sitwazzjoni fl-awla kompliet teskala, tant li kellhom jidħlu tliet membri tas-sigurta’, u l-Maġistrat aġġornat is-seduta.

Il-każ se jkompli fis-7 ta’ Novembru.