Lokali

Imnedija l-kampanja tal-Piggy Bank

“Hemm bżonn ngħinu lil dawk fil-bżonn filwaqt li ngħallmu lit-tfal biex jitilgħu nies solidali.”

Dan kien kliem il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca waqt it-tnedija tal-kampanja mit-tfal b’solidarjetà; waħda mill-kampanji li jsiru bi preparazzjonijiet għall-Istrina fejn tqassmu diversi Piggy Banks – il-famuz karus li sar sinonimu ma’ dan iz-zmien tas-sena.

F’dawn l-aħħar jiem ġew imqassma madwar 2,200 karus f’diversi skejjel li qed jipparteċipaw.

Tul din l-inizjattiva, it-tfal se jkunu qiegħdin imħeġġa biex jagħtu mill-ftit li għandhom lil tfal bħalhom li huma inqas ixxurtjati minnhom.

Minkejja l-ammont kbir ta’ flus li sena wara sena jinġabru, il-President ta’ Malta saħqet li dawn qatt ma jkunu biżżejjed. Dan hekk kif is-sena l-oħra, minkejja li nġabru madwar €6 miljun, matul is-sena ntefqu iktar minn €7.7 miljun f’kura, bl-għajnuna meħtieġa iktar ma jmur iktar qed tiżdied.

U ghalhekk, tlabna lill-President twassal il-messagg taghha.

Kull karus se jkun qed jingabar  lura fis-17 ta’ Diċembru, bil-flus miġbura jitħabbru l-għada tal-Milied, propju fl-Istrina.