11:00am
Il-Ministru Bonnici iddiskuta l-inkjesta Egrant ma’ Kurt Farrugia. Il-każ ġie aġġornat għax-xahar id-dieħel. Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jippreżenta lista tax-xiehda li jmiss jitressqu biex jagħtu t-testimonjanza tagħhom.
10:40am
Owen Bonnici jgħid illi kien hu li talab soft copy tal-inkjesta mingħand l-Avukat Ġenerali.
10:25am
Jitla’ jixhed il-Ministru Owen Bonnici.
10:20am
Issa l-Prim Ministru qed jgħid fit-testimonjanza tiegħu illi ma jaħsibx li l-inkjesta għandha tkun ppubblikata sħiħa.
10:10am
Joseph Muscat jgħid li l-konklużjonijiet tal-Inkjesta inkitbu mill-Maġistrat Bugeja (fatt li ilna nafuh).
10:05am
L-avukat tal-Kap tal-Oppożizzjoni mwaqqaf min-naħa opposta meta prova jagħmel domanda lill-Prim Ministru.
9:50am
Il-Prim Ministru fil-Qorti jikkonferma illi anke Kurt Farrugia kellu kopja tal-Inkjesta Egrant.
9:30am
L-Imħallef Robert Mangion jordna lill-avukat Pawlu Lia biex iħalli l-awla. Jidħol il-Prim Ministru Joseph Muscat.
9:15am
Is-seduta ġiet sospiża wara li l-avukat ta-Kap tal-Oppożizzjoni Vincent Galea oġġezzjona għall-fatt li fl-awla dalgħodu kien hemm preżenti l-avukat Pawlu Lia. Dan minħabba l-fatt li Pawlu Lia hu fil-lista xiehda, u għalhekk m’għandux isegwi l-kawża.
L-avukat Galea saqsa lill-avukat Lia jekk hux se jixhed illum. U dan wieġbu “le”. Kien hawn li l-avukat tal-Kap tal-Oppożizzjoni baqa’ jinsisti fuq punt ta’ proċedura.
Barra l-awla hemm preżenti wkoll il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Owen Bonnici.
Aktar kmieni
Fil-Qorti dalgħodu qed tkompli l-Kawża Kostituzzjonali li fetaħ Adrian Delia sabiex jingħata l-kopja sħiħa tal-inkjesta li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija sigrieta Egrant – liema kopja ilha ġimgħat għand il-Prim Ministru.
Il-kawża infetħet wara li l-Avukat Ġenerali baqa’ jirrifjuta li jgħaddi l-inkjesta sħiħa lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-kawża qed tinstema’ quddiem l-Imħallef Robert Mangion.
Il-każ kien aġġornat għas-26 ta’ Novembru.
//= $special ?>