Futbol Sport

Kompromess żgħir bejn il-FIFA u l-UEFA dwar il-bidla fit-Tazza tad-Dinja tal-klabbs

Il-President tal-FIFA Gianni Infantino

Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li d-delegati tal-UEFA mhux se joħorġu mil-laqgħa tal-kunsill tal-FIFA b’argumenti wara l-proposta għal bidla fit-Tazza tad-Dinja tal-klabbs. Il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin oppona l-pjanijiet tal-President tal-FIFA Gianni Infantino li qed jiġu diskussi fi Rwanda.

Id-diskussjonijiet bejn l-uffiċjali tal-UEFA u l-FIFA saru l-Ħamis filgħaxija u kompromess żgħir intlaħaq qabel id-diskussjoni tal-bieraħ. Il-pjan oriġinali kien li jittieħed vot ilbieraħ iżda minflok se tinħoloq task-force li se tagħmel aktar studju u tipproponi serje ta’ rakkomandazzjonijiet qabel il-laqgħa tal-kunsill li jmiss.

B’kollox kien hemm żewġ għażliet għal din il-bidla fit-Tazza tad-Dinja tal-klabbs, li hi proposta li ddum 18-il ġurnata u tinvolvi 24 tim, fosthom 12-il tim mill-Ewropa. F’xenarju minnhom, it-tournament fl-istess żmien tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet kull erba’ snin. L-għażla l-oħra hi li jsir kull sena bħala tournament tal-pre-season f’Lulju u Awwissu.

Il-UEFA qed topponi għal dawn il-pjanijiet għaliex qed tgħid li żżid aktar logħob mal-iskeda tagħhom u potenzjalment thedded il-popolarità taċ-Champions League. Infantino insista li t-tournament propost se jkun ta’ benefiċċju għall-futbol u jipproteġi r-relevanza tiegħu.