Lokali

Muscat ibiddel fehmtu: issa ma jridx li r-Rapport tal-Inkjesta Egrant jiġi ppubblikat sħiħ

Meta f’Lulju li għadda l-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal lill-Avukat Ġenerali sabiex jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja, llum fil-Qorti għamel u-turn kbira u issa qed jgħid li ma jaħsibx li dan ir-rapport għandu jiġi ppubblikat b’mod sħiħ. Il-Prim Ministru ta l-kopja sħiħa tiegħu lill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat ikkonferma li l-konklużjonijiet kienu biżżejjed għalih u għalhekk ma qarax il-kopja sħiħa tal-inkjesta li kellu. Dan ifisser li ma kienx hemm il-ħtieġa li persuni oħra tingħatalhom kopja tal-inkjesta bħalma ngħatat lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u l-avukat personali tal-Prim Ministru fost l-oħrajn.

Il-Ministru Owen Bonnici giddeb lill-Avukat Ġenerali meta qal li ngħata kopja sħiħa tar-rapport mill-avukat personali tal-Prim Ministru u mhux mill-Avukat Ġenerali. Il-Ministru Bonnici reġa’ giddeb lill-Avukat Ġenerali meta qal li hu ma tax pariri dwar l-inkjesta, iżda tah parir dwar jekk ir-rapport għandux jiġi ppubblikat sħiħ.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li fis-seduta tal-Qorti tal-lum għalhekk ħareġ biċ-ċar li esponenti ewlenin tal-Gvern għandhom aċċess għall-inkjesta. Dan meta l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia baqa’ ma ngħatax kopja. L-Avukat Ġenerali kien qal li ma jridx jagħti kopja lil Adrian Delia għax ma kienx se jħalliha ‘fil-kexxun’ iżda kien se jitkellem dwarha.

Bid-dikjarazzjonijiet tiegħu u l-u-turn li għamel, Joseph Muscat qed isaħħaħ l-iżbilanċ politiku serju li ħoloq l-Avukat Ġenerali meta qiegħed jippersisti li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta lil Adrian Delia, meta din hija materja ta’ interess nazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista qal li filwaqt li Joseph Muscat nefaq aktar minn miljun ewro fi flus il-poplu f’inkjesta biex jgħid li la hu u lanqas martu m’huma sidien ta’ kumpanija fil-Panama, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi kellhom strutturi ta’ kumpaniji sigrieti, u dan b’ammissjoni tagħhom stess.

Fil-Qorti Joseph Muscat reġa’ qal li kien qed jabbina l-futur politiku tiegħu mar-riżultat tal-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja u allura bil-kejl tiegħu stess għandu jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. In-nies għadhom qed jistennew lil Joseph Muscat jiddeċiedi, temmet tgħid l-istqarrija.