Lokali Qorti

Owen Bonnici jgiddeb lill-Avukat Ġenerali fil-Qorti

Il-każ ikompli fis-26 ta' Novembru li ġej

Segwejna att ta’ Inċest Istituzzjonali, fejn l-Avukat Ġenerali hu l-Avukat tal-Prim Ministru u l-Avukati tal-Prim Ministru huma l-Avukati tal-Avukat Ġenerali.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem seduta oħra, hekk kif illum kompliet tinstema’ l-Kawża Kostituzzjonali li fetaħ biex anke hu, fil-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni jingħata kopja tar-Rapport sħiħ tal-Inkjesta Egrant.

Hekk kif illum xehdu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, sar magħruf kif anke l-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni f’Kastilja Kurt Farrugia u l-Avukat tal-Partit Laburista u tal-Prim Ministru Pawlu Lia ngħataw kopja sħiħa tar-Rapport.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici giddeb lill-Avukat Ġenerali meta ddikjara taħt ġurament li ngħata r-Rapport sħiħ mill-Avukat Pawlu Lia u mhux mill-Avukat Ġenerali. Giddbu wkoll meta qal li fl-ebda waqt ma kien involut fl-Inkjesta jew ta xi parir lill-Prim Ministru waqt l-Inkjesta, iżda jekk ir-Rapport sħiħ għandux ikun ippubblikat jew le.

Fix-xhieda tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li għalih, il-konklużjonijiet kienu jkunu biżżejjed. Fil-fatt, iddikjara li minkejja li għaddew tliet xhur mill-pubblikazzjoni tal-Inkjesta, għadu ma qarax ir-Rapport kollu. Fl-istess waqt, hu dawwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-pubblikazzjoni tar-Rapport sħiħ, fejn issa qed jgħid li l-Inkjesta m’għandhiex tkun ippubblikata.

Sadanittant, fil-bidu tas-seduta, l-Avukat tal-Partit Laburista u tal-Prim Ministru Pawlu Lia kien ordnat joħroġ mill-Awla għax hu fil-lista tax-xhieda msejħa mill-Kap tal-Oppożizzjoni. L-Avukat Vincent Galea, li qed jidher għall-Kap tal-Oppożizzjoni, oġġezzjona għall-preżenza tal-Avukat Lia għax qal li xhud li se jissejjaħ fil-futur ma jistax isegwi s-seduti.

Madankollu, l-Avukat Ġenerali qal li ma jsibx oġġezzjoni. U wara li kienet sostnuta l-pożizzjoni miż-żewġ naħat, l-Imħallef Robert Mangion iddeċieda li l-Avukat Lia għandu jħalli l-Awla. Hu ċanfru wkoll meta l-Avukat tal-Partit Laburista pprova jiġġustifika l-preżenza tiegħu.

Fl-Awla, il-Prim Ministru kien akkumpanjat ukoll mill-Avukati Robert Abela u Luke Dalli (iben il-Ministru Helena Dalli). F’mumenti minnhom, daħlet ukoll l-Avukat Veronique Dalli (oħt l-MEP Laburista Miriam Dalli).

F’ħin minnhom, l-Imħallef Robert Mangion ċanfar lill-Avukat Luke Dalli wara li beda jgħaddi kummenti fil-konfront tal-Avukat Vincent Galea. L-Avukat Dalli kien sfurzat jiskuża ruħu mal-Avukat Galea.