Raġel ta’ 56 sena, ftit tal-ħin ilu, spiċċa arrestat fi Florida b’konnessjoni mal-kampanja tal-aħħar jiem li fiha ntbagħatu sensiela ta’ ittri/pakketti-bomba lill-kritiċi prominenti tal-President Amerikan Donald Trump.
L-ittri-bomba waslu, fost oħrajn, għand l-eks President tal-Istati Uniti, Barack Obama u l-attur Robert de Niro. Intant, għalissa, ma ngħatawx dettalji dwar ir-raġel arrestat u ħadd ma jaf jekk, ‘il quddiem, jistgħux jitressqu akkużi fil-konfront tiegħu.
L-aħħar żewġ ittri-bomba nstabu llum fi Florida u l-belt ta’ New York, bl-inċidenti qed isiru anqas minn ġimgħatejn qabel l-elezzjonijiet ta’ nofs il-mandat Presidenzjali ( mid-term elections) fl-Istati Uniti.
Fl-aħħar sigħat, l-FBI Amerikana kienet qed tfittex ġo faċilità postali ta’ Florida għal elementi li jistgħu jgħinu l-istħarriġ dwar l-ittri-bomba.
Il-President Trump ikkummenta diversi drabi dwar l-inċidenti iżda fl-aħħar messaġġ fuq Twitter hu issuġġerixxa li l-inċidenti ‘kienu qed itellfu l-ispinta tar-Repubblikani’ waqt il-proċess tal-votazzjoni inizjali u attwali ( jew sistema ta’ ‘early voting’).
Dan waqt li xi osservaturi qed jaħsbu li l-President Amerikan jista’ qed jissuġġerixxi li l-kampanja bil-bombi ‘kapaċi tkun imnissla minn inizjattiva maħsuba biex tqarraq bin-nies’.
//= $special ?>

