Il-ħaddiema tar-Rampa fl-Air Malta huma mweġġa’ bil-mod kif qed ikunu trattati mill-kumpanija li ma hix tapprezza x-xogħol tagħhom, tikkastigahom għaliex jieħdu s-sick u mbagħad qed isibu lill-GWU tinjora t-talbiet tagħhom u ma taqbiżx għalihom quddiem it-Tmexxija tal-Air Malta.
Wara l-programm ‘Sorsi Infurmati’ tal-Erbgħa filgħaxija fuq Net TV fejn ħaddiem tal-Air Malta wera d-dieqa tiegħu għall-mod kif it-Tmexxija tal-Air Malta qed tmexxi t-taqsima tar-Rampa u taqsimiet oħrajn, ilbieraħ tkellmu magħna aktar ħaddiema tar-Rampa.
Qalulna li sadattant huma qed jiġbru petizzjoni biex joħorġu mill-GWU. Saħansitra lbieraħ filgħodu rappreżentanti tal-ħaddiema marru fil-bini tal-GWU biex jagħtu kopja ta’ din il-petizzjoni, iżda r-rappreżentant tagħhom ma kienx disponibbli għalihom. Dan bir-riżultat li kollega tiegħu wera ruħu ppreokkupat għall-mod kif dawn il-ħaddiema huma trattati u ħadd m’hu jaqbeż għalihom u wiegħedhom li se jitkellem hu għalihom u jekk ma jkun hemm l-ebda żviluppi pożittivi allura kien se jissuġġerixxi biex il-Union issejjaħ għal azzjoni industrijali fl-Air Malta.
Il-ħaddiema tar-Rampa li lbieraħ tkellmu ma’ In-Nazzjon komplew juru d-dispjaċir tagħhom għall-mod xejn dinjituż li bih huma qed ikunu trattati minn min imexxi t-Taqsima tar-Rampa.
Mhux biss, iżda hemm diskriminazzjoni sfaċċata bejn l-istess ħaddiema fejn ħaddiema saħansitra qed jintalbu jidħlu għax-xogħol bejn is-1am u l-4am jew bejn l-4am u s-7am.
Dan meta fil-jiem li għaddew kien ingħad lill-ħaddiema li dawn il-ħinijiet ta’ diskriminazzjoni kienu se jispiċċaw u l-ħaddiema kollha jkunu trattati bl-istess mod.
Il-ħaddiema huma rrabjati wkoll għall-fatt li meta xi ħaddiem minnhom iweġġa’ jew jirrapporta ma jiflaħx, darba jidħol lura għax-xogħol qed jispiċċa jkun kastigat billi jinqatgħulu għadd ta’ benefiċċji biex hekk ikun kostrett idaħħal l-inqas salarju possibbli.
Il-ħaddiema tar-Rampa qed jilmentaw ukoll li qatt daqs illum is-sitwazzjoni fl-Air Malta ma kienet waħda ħażina fejn lil hinn minn ħafna diskriminazzjoni u nuqqas ta’ ippjanar, qed jirriżulta li ħafna mill-affarijiet qed isiru mil-lum għal għada u dan b’dannu kbir għall-kumpanija.
Il-ħaddiema tar-Rampa ma humiex biss imweġġa’ bl-atteġġjament tat-Tmexxija tal-Air Malta, iżda wkoll li min suppost jaqbeż għalihom – f’dan il-każ il-GWU – qed tibqa’ siekta u muta u tħalli din it-tbatija kollha fost il-ħaddiema.
Kien għalhekk li kien hemm min fost il-ħaddiema tar-Rampa li ssuġġerixxa li tinbeda petizzjoni – li sa issa hi ffirmata minn aktar minn mitt ħaddiem tar-Rampa – li twassal il-messaġġ ċar ta’ dawn il-ħaddiema li kemm-il darba s-sitwazzjoni ma tinbidilx, allura huma se jitolbu li joħorġu minn sħubija fil-GWU.
L-istess ħaddiema qed jilmentaw ukoll li t-Tmexxija tal-GWU għandha tidħol ukoll fil-każ tas-suppost rappreżentant tagħhom li qajla jieħu interess fix-xogħol tagħhom, qatt ma jsibuh biex jgħinhom u, skont huma, ma hux trejdunjonista kapaċi għaliex kieku dawn l-abbużi li qed isofru ma jibqax indifferenti quddiemhom.
//= $special ?>