Żewġ uffiċjali għolja fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni qed jiġu investigati minn bord ta’ inkjesta wara li saru allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet serji. L-aħbar kienet żvelat mill-ġurnal Times of Malta u kelliem għall-Ministeru tal-Finanzi ikkonferma li twaqqaf bord ta’ inkjesta biex jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet.
L-istess kelliem qal li l-Ministru Edward Scicluna kien mgħarraf b’dawn l-allegazzjonijiet permezz ta’ ittra fit-2 ta’ Ottubru. Il-ġurnal jirrapporta li l-allegazzjonijiet huma marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ taxxa u possibilment frodi.
Iż-żewġ impjegati li ssemmew fl-ittra ingħataw promozzjonijiet għal karigi għolja fis-servizz pubbliku f’dawn l-aħħar tliet snin. L-Uffċċju tal-Kap tas-Servizz Pubbliku Mario Cutajar ta l-awtorizzazzjoni tiegħu biex jaħdmu fl-istess dipartiment minkejja li huma koppja f’relazzjoni.
Il-ġurnal ikompli li uffiċjali fil-Ministeru tal-Finanzi kienu ġibdu l-attenzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru li mhux etiku li koppja jingħataw l-istess responsabbiltajiet fl-istess dipartiment tal-Gvern. Minkejja dan, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta l-barka tiegħu biex din is-sitwazzjoni tippersisti.
Mistoqsi minn Times of Malta, il-kelliem għall-Ministeru tal-Finanzi ma qalx min huma l-membri maħtura fil-bord tal-inkjesta u jekk il-konklużjonijiet ta’ dan il-bord se jiġu ppubblikati.
//= $special ?>