Pajjiżna reġa’ ssemma, flimkien mal-Italja u l-Libja, fi traffikar internazzjonali tal-fjuwil bil-kuntrabandu.
Dan hekk kif fl-Italja, l-uffiċjali mill-Guardia di Finanza ta’ Varese skoprew it-traffikar ta’ 29 miljun litru ta’ fjuwil, għal valur ta’ madwar €44 miljun, f’liema ħidma wasslet ukoll għall-arrest ta’ ħames persuni u s-sekwestru li jlaħħaq il-€55 miljun fosthom 11-il residenza, karozza, mutur u valur ta’ 14-il metru. Dan apparti disponibbiltajiet finanzjarji ta’ madwar €1.4 miljun.
Jirriżulta li kienu żewġ kumpaniji li jmexxu dan it-traffikar tal-fjuwil, li wassal biex dawk arretrati se jaffrontaw akkużi ta’ frodi fil-konfront tal-istat, anke fuq livell internazzjonali.
L-ewwel investigazzjonijiet juru li l-flus mill-kummerċ ta’ dan il-fjuwil kienu jinħbew fuq kummerċ ineżistenti, kif ukoll li ħbew jew qerdu dokumentazzjoni relatata ma’ dan il-kummerċ illegali.
Il-fjuwil kien jitlaq mil-Libja lejn l-Italja, grazzi wkoll għal bastimenti li jintużaw għat-trasport tal-fjuwil irreġistrati f’Malta. Din il-ħidma hi simili u jidher li hi relatata wkoll għal qabda simili li kienet saret f’Ottubru tal-2017 bħala parti minn Operazione Dirty Oil.
Malli jasal fl-Italja, il-fjuwil kien jitqassam lil diversi soċjetajiet involuti u moħbi grazzi għal dokumentazzjoni vvintata. Dan kien iwassal għall-bejgħ tal-fjuwil bi prezz irħas mis-suq, ladarba n-negozjanti kienu qed jiffrankaw it-taxxa.
Il-Pulizija fl-Italja kien ilha mill-2016 sa l-2017 issegwi dawn l-illegalitajiet u aċċertaw minn tal-inqas 350 miljun litru ta’ fjuwil, permezz ta’ 30 vjaġġ, li saru matul dan il-perjodu.
//= $special ?>