Rugby Sport

FILMATI: L-ambjent pożittiv fit-tim nazzjonali tar-Rugby jista’ jkun determinanti għal kontra l-Bożnija

Illum fis-2.00pm fil-Hibernians Stadium, it-tim nazzjonali Malti jkun involut fit-tieni logħba mir-Rugby Europe Conference 1 South kontra l-Bożnija. Ġimgħa ilu, t-tim Malti rebaħ logħba diffiċli kontra l-Iżrael 21-14 f’Netanya.

F’kumment li l-kowċ nazzjonali ta lil dan is-sit, Damian Neill qal li bħalissa kulħadd fit-tim jinsab eċċitat u jixtieq li l-logħba kienet fil-ħin tal-kumment minflok illum fis-2.00pm. Hu għamel appell ukoll lill-pubbliku; “Ġib ħabib, l-istorbju jgħin lill-plejers qisu hemm 20 plejer fil-pitch, kull partitarju ejjew u agħtu s-sapport u araw rugby tajjeb.”

Neill qal li l-Bożnija hu tim li jilgħab dirett u għandhom scrum-half u fly-half li għandhom kick-ins tajbin. Fl-aħħar konfront li lagħbet kontra l-Bożnija, Malta kienet rebħet f’Zenica 52-20, bil-kowċ tat-tim nazzjonali Malti jafferma li Malta għadha l-aħjar tim fil-grupp.

Neill għamel referenza għar-rebħa kontra l-Iżrael fejn semma li kien importanti li t-tim kien dixxiplinat u żamm il-kompożizzjoni tiegħu. Hu qal ukoll li l-fatt li t-tim Malti għamel 25% tal-logħba bi plejer anqas kien sinjal ta’ karattru.

Il-President tal-MRFU Steve Busuttil għamel aċċenn għar-rebħa kontra Iżrael fejn qal li l-ambjent fit-tim jinsab tajjeb ħafna wara din ir-rebħa diffiċli. “Lagħbna kontra tim fiżiku ħafna, dawn l-isport hu marbut mal-militar jiġifieri lanqas jekk ma jitħarrġux ikunu fit. Logħba away dejjem diffiċli, l-elementi, l-istadium kontrik, kollox hi sfida.”

Busuttil għamel referenza dwar l-organizzazzjoni tat-tim u jemmen li qegħdin f’pożizzjoni li jistgħu jidħlu fil-pitch b’rashom mgħollija. Mistoqsi jekk rebħa biss tissodisfax lit-tim Malti, il-President tal-MRFU qal li r-rebħa hi importanti, għall-isponsors, l-ispettaturi u biex ikun hemm ambjent pożittiv.

“Nieħu pjaċir aktar kieku nistgħu nirbħu fejn ikun hemm plejers ġodda deħlin. Dik hi aktar minn rebħa għalija.” Busuttil żied li rebħa tagħti motivazzjoni ġdida biex wieħed jibqa’ involut u jaħdem b’aktar saħħa iżda sostna li l-massimu għalih u hu li jikkompetu u jorganizzaw, li joħorġu ta’ nies fl-organizzazzjoni li minn dak li jgħidulhom tar-Rugby Europe, qegħdin fost l-aqwa fl-Ewropa.

Tags