Madwar 400 ħaddiem tal-MCAST fil-gradi ta’ tagħlim ħadu qatgħa meta irrealizzaw li kellhom tnaqqis drastiku fis-salarju tagħhom. Diversi lecturers għamlu kuntatt ma’ Net News fejn ilmentaw dwar dan l-aġir min-naħa tat-tmexxija tal-Kulleġġ.
Nies li kellmuna qalulna li diversi lecturers ipprotestaw mat-tmexxija tal-Kulleġġ iżda l-unika raġuni li ngħataw kienet li fix-xahrejn ta’ qabel, “tħallsu arretrati żejda” u għaldaqstant sarilhom tnaqqis fil-paga bażika sabiex tagħmel tajjeb għal dak li – skont it-tmexxija tal-kulleġġ – “tħallas żejjed”.
It-tnaqqis kien wieħed sostanzjali. F’każi partikolari kien hemm minn sofra tnaqqis ta’ €900. “Sallbuni!” stqarr magħna lecturer partikolari, li qal li ma jafx kif se jħallas l-ispejjeż u pagamenti dovuti għal matul dan ix-xahar.
Agħar minn hekk, jiżdied mat-tnaqqis tas-salarju hemm ukoll il-fatt li l-għalliema għadhom ma ngħatawx l-allowance magħrufa bħala “work resources” li permezz tagħha, l-istaff akkademiku jkun jista’ jixtri kotba u tagħmir ieħor relatat mat-tagħlim tas-suġġett partikolari.
Dan il-ħlas isir normalment f’Ottubru hekk kif tkun għadha kemm bdiet is-sena akkademika.
Il-kwistjoni tmur lura għal dan is-Sajf meta kien iffirmat il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-MCAST bejn il-Gvern u l-Union tal-Għalliema (MUT). Minn dak iż-żmien, seħħet taqliba sħiħa fit-tmexxija tal-MCAST. Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta Il-Mument irrapportat li t-tmexxija l-ġdida li daħlet fl-MCAST ma ngħatat l-ebda handover. Sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li fl-aħħar erba’ xhur mill-MCAST kien hemm eżodu ta’ nies ta’ esperjenza mit-tmexxija ta’ din l-istituzzjoni edukattiva. Dan wassal biex attwalment is-sitwazzjoni tal-MCAST hi li għandha amministrazzjoni għarkupptejha.
Sorsi qalulna li fl-isfond ta’ dan it-taqlib kollu, uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Finanzi tal-MCAST, li ma kienux involuti fin-negozjati u l-eventwali ftehim kollettiv, qed jinterpretaw il-klawżoli finanzjarji, speċifikament l-arretrati dovuti, b’mod ħażin. Dawn l-istess uffiċjali, mingħajr ebda direzzjoni, ddeċidew li l-arretrati li tħallsu żejda u qabdu qatgħu id-differenza mill-paga li jmiss.
Net News għamel kuntatt mal-President tal-MUT Marco Bonnici li kkonferma dak li qalulna l-lecturers involuti. Hu qal li fid-dawl tat-taqlib li kien hemm fil-kulleġġ, il-union kienet wissiet lill-membri tagħha biex joqgħodu attenti meta jirċievu s-salarju. “Jidher li dak li konna qed nibżgħu li jseħħ fil-fatt seħħ”, qal Bonnici.
Il-President tal-MUT qal li t-Tnejn, il-Union se tirreġistra tilwima industrijali mal-Kulleġġ u jekk is-sitwazzjoni ma tiġix irranġata immedjatament, se tkun qed tordna azzjonijiet industrijali.
Net News għamel ukoll kuntatt mal-MCAST sabiex jagħtuna l-verżjoni tal-Kulleġġ u kelliema tal-MCAST qaltilna li se tintbagħat tweġiba. Iżda sal-Ġimgħa filgħaxija, kienet għadha ma daħlet ebda tweġiba.
//= $special ?>