Futbol Sport

Gowl tard ta’ Andrè Scicluna jagħti t-tielet rebħa lir-Rainbows

(Ritratt: Domenic Aquilina)

TARXIEN R…………………1   QORMI………………………..0

Tarxien: A. Cassar, A. Scicluna, S. Radovanovic, D. Zerafa, R. Radu, Anderson, G. Aquilina (M. Brincat 66’), D. Falzon (A. Agius 89’), Ricardinho (M. Ciantar 79’), A. Nilsson, M. Paolucci

Qormi: J. Azzopardi, A. Cassar, I. Zammit, A. Abela. D. Mansi, Kassiano, Y. Yankam, L. Busuttil (M. Micallef 77’), Alexsandro (M. Camilleri 70’), S. Kim (M. Borg 88’), N. Turkovic

Skorja: A. Scicluna 89’ (T)

Imwissija: G. Aquilina 14’, Ricardinho 44’, Anderson 72’ (T), D. Mansi 61’, A. Cassar 83’ (Q)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Duncan Sultana, Duncan Spencer

Il-Mument Plejer tal-logħba: Seo In Kim (Qormi)

Rapport: George Cassar

Andre Scicluna skorja ftit sekondi qabel id-disgħin minuta u ta tliet punti importanti lil Tarxien Rainbows f’konfront dirett kontra Qormi biex b’hekk kisbu t-tielet rebħa tal-kampjonat.

Il-partita kienet waħda bilanċjata u sabiħa b’botta u risposta fuq iż-żewġ naħat. Il-gowl wieħed li jidher fir-riżultat finali ma jirriflettix in-numru ta’ azzjonijiet li kellhom iż-żewġ timijiet li impenjaw kontinwament lill-gowlkipers Andrea Cassar u Jamie Azzopardi.

Għal Qormi ddebutta l-attakkant mil-Bożnija Nedo Turkovic li iżda ma kienx wisq attiv fl-azzjonijiet ta’ Qormi u ftit ta kontribut biex jevitalhom il-ħames telfa konsekuttiva. Bir-rebħiet ta’ Tarxien u anki ta’ Pietà, Qormi jibqgħu t-tieni mill-aħħar iżda issa qegħdin erba’ punti bogħod mit-tim ta’ fuqhom.

It-total ta’ disa’ punti li għandhom s’issa Tarxien jista’ jitqies bħala sodisfaċenti meta tikkunsudra li l-istaġun li għadda r-Rainbows kienu għaqqdu dan it-total f’nofs Diċembru meta kienu waslu fit-tlettax-il partita.

Qormi resqu qrib il-gowl tal-vantaġġ wara għaxar minuti meta minn free-kick mix-xellug ta’ Seo In Kim, Yannick Yankam antiċipa bir-ras il-ħarġa tal-gowlkiper Andrea Cassar iżda segwiet il-bravura tad-difensur Rogac Radu li tawwal siequ u evita gowl.

Qabel intemmet l-ewwel taqsima, kien imiss Tarxien li jersqu qrib li jiskorjaw meta minn kross ta’ Ricardinho mix-xellug, id-daqqa ta’ ras ta’ Daren Falzon kienet imdawra f’korner minn Jamie Azzopardi.

Fl-ewwel kwarta tat-tieni taqsima Andrea Cassar dawwar f’korner żewġ xuttijiet identiċi ta’ Alexsandro. Il-Qriema fallew bi ftit qrib is-siegħa logħob meta x-xutt fil-baxx ta’ Seo In Kim għeleb lill-gowlkiper Tarxiniż iżda l-ballun ħakkek mal-wieqfa qabel baqa’ sejjer barra.

Kwarta mit-tmiem kien hemm ħarba tal-eks Alexander Nilsson li evita lill-gowlkiper Azzopardi iżda d-difensur ċentrali Qormi Alan Abela tajjar il-ballun minn quddiem l-attakkant Żvediż.

Bl-arloġġ jimmarka kważi disgħin minuta, Tarxien skorjaw il-gowl prezzjuż li ddeċieda l-partita. L-azzjoni bdiet minn korner mix-xellug, bl-ewwel tentattiv ikun imblukkat fil-qasir mill-gowlkiper Qormi Jamie Azzopardi, iżda l-ballun wasal għand ANDRÈ SCICLUNA li skorja bir-ras il-gowl tar-rebħa.