“M’għandniex x’naħbu”. Sostna dan fi stqarrija il-Grupp DB, l-iżviluppatur tal-proġett kontroversjali li se jinbena fuq l-art fejn qabel kien l-Istitut għall-Istudji Turistiċi ITS.
Proġett li jinkludi torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 17-il sular.
L-istqarrija ħarġet b’reazzjoni għall-kummenti tal-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-Kompetizzjoni Margrethe Vestager li qalet li l-Kummissjoni Ewropea mhux f’pożizzjoni jekk hux it-trasferiment tal-art pubblika jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hi projbita mir-regolamenti Ewropej.
Ix-xahar li għadda, il-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar approva dan il-proġett kontroversjali. Ir-rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Bord, Marthese Portelli, ivvotat kontra dan il-proġett.
Il-kontroversja kompliet tikber hekk kif sar magħruf li Jacqueline Gili, membru tal-Bord tal-Awtorita’, inġiebet Malta minn Sqallija, fejn kienet għal btala, permezz ta’ jet privat sabiex tkun preżenti għall-vot tal-Bord.
Fuq talba tal-Partit Nazzjonalista, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali beda investigazzjoni dwar jekk sarux irregolaritajiet fit-trasferiment tal-art fejn qabel kien l-ITS lil żviluppatur privat u se jesprimi l-pożizzjoni finali tiegħu dwar dan il-proġett ladarba jkun magħruf ir-riżultat tal-istħarriġ tal-Awditur Ġenerali.
//= $special ?>
