Min-nhar it-Tnejn 29 ta’ Ottubru, il-General Workers’ Union se tagħti bidu għal sensiela ta’ azzjonijiet industrijali fil-Kamra Mortwarja. Dawn l-azzjonijiet huma marbuta mal-fatt li minkejja t-taħriġ li l-impjegati ħadu sabiex itejbu l-għarfien u l-pożizzjoni tagħhom, sal-lum l-Awtoritajiet tas-Saħħa għadhom ma tejbux il-pakkett finanzjarju kif kien indikat li jsir malli jitlesta dan it-taħriġ.
Is-Segretarju tat-taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Jeremy Camilleri stqarr li minkejja li d-diskussjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa ilhom għaddejjin, sal-lum għad ma kienx hemm progress fuq it-talbiet tal-ħaddiema.
Camilleri saħaq li l-azzjonijiet huma mmirati f’dak li għandhom x’jaqsmu proċeduri amministrattivi, u huma maħsuba biex joħolqu l-inqas impatt fuq il-persuni li għandhom xi qarib fil-Kamra Mortwarja.
Filwaqt li l-GWU sakużat ruħha għal kull inkonvejent maħluq, insistiet li jekk mhux se jintlaħaq ftehim biex il-ħaddiema jieħdu dak li tħarrġu għalih, l-Union mhux se jkollha triq oħra ħlief li teskala d-direttivi u l-azzjonijiet industrijali.
//= $special ?>

